Fi Bratislava, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħa sehem f’laqgħa informali tat-Trio li, apparti li pajjiżna se jmexxi l-Presidenza f’Jannar li ġej, tinkludi lill-Olanda li qiegħda fit-tmexxija bħalissa u l-Islovakkja li se tibda tmexxi f’Lulju li ġej.
Kienet diskussjoni prattika dwar it-transizzjoni li se jkun hemm bejn it-tliet pajjiżi sa nofs is-sena d-dieħla. Muscat qal li dan it-trio jinvolvi pajjiż fundatur tal-Unjoni Ewropea, membru ġdid mill-Lvant u pajjiż żgħir li jagħti l-perspettiva Mediterranja lill-Ewropa. Dawn id-differenzi jagħtu valur miżjud lill-programmi tat-tliet pajjiżi għall-Unjoni Ewropea u joħolqu dibattitu san fuq aspetti varji.
Fosthom, il-futur tar-Renju Unit fi ħdan l-Unjoni Ewropea, bit-tliet pajjiżi jaqblu li x-xewqa hija li r-Renju Unit jibqa’ jżomm postu fl-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru qal li l-Ewropa trid tagħraf li nbidlet il-mentalità tan-nies, irrispettivament mir-riżultat tar-referendum fl-Ingilterra.
Il-Prim Ministru qal li, fil-Presidenza tal-2017, Malta se tibni fuq il-ħidma tal-Olanda u l-Islovakkja. Bħala l-iżgħar pajjiż fl-Unjoni Ewropea, Malta lesta titgħallem iżda wkoll tindirizza kwistjonijiet sensittivi bħall-migrazzjoni u t-tassazzjoni.
Minn naħa tiegħu, il-Prim Ministru tal-Olanda Mark Rutte qal li n-nies jistennew ir-riżultati fis-sitt xhur tal-Presidenza u għalhekk din l-esperjenza tfisser ħafna xogħol u tirrikjedi ħafna flessibilità f’temi differenti.
Il-Prim Ministru tal-Islovakkja Robert Fico qal li qed josserva l-Presidenza tal-Olanda biex ikompli fuqha fis-sitt xhur li ġejjin, fost oħrajn biex jaħdem fuq stabbilità politika u jittratta sfidi bħall-migrazzjoni fid-dawl tal-proposti tal-Kummissjoni Ewropea.