Issa hija uffiċjali. Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, infurmat lill-Mexxejja Ewropej li r-Renju Unit mhux se jieħu l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea fit-tieni nofs tas-sena d-dieħla bil-għan li l-gvern Ingliż jiffoka fuq in-negozjati Brexit.
Din hija l-ewwel responsabbiltà marbuta mal-Unjoni Ewropea li farfar minn fuq spallejh ir-Renju Unit u t-tagħrif għadda f’telefonata bejn May u l-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk.
Stqarrija ta’ Downing Street qalet li lbieraħ Tusk ċempel lil May biex jiffirħilha u hi infurmatu b’din l-aħbar.
“Finalment il-Prim Ministru spjegat li rridu nippreparaw sew qabel nattivaw artiklu 50,” qalet l-istqarrija ta’ Downing Street dwar l-artiklu li jrid jibda l-proċess biex ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea.
Fid-dawl li Malta għandha l-Presidenza qabel ir-Renju Unit għad mhux ċar jekk pajjiżna ux se jkollu jestendi l-perjodu fit-tmun tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Xi ħaġa li l-gvern Malti mhux entużjast għaliha.