Aktar minn nofs il-popolazzjoni tar-Renju Unit huma favur immigranti li jidħlu fil-pajjiż biex jagħtu servizz hekk kif għandhom il-ħiliet neċċessarji. Dan skont stħarriġ li sar dwar l-attitudni taċ-ċittadini tar-Renju Unit lejn l-immigranti.
Ir-riċerka li saret minn Ipsos Mori u King’s College London sabet li madwar 52% tal-adulti jemmnu li immigranti li jagħżlu l-pajjiż biex jipprattikaw il-ħiliet tagħhom għandhom jiżdiedu filwaqt li 12% ma jaqblux.
Iżda l-pubbliku ma jridx li jidħlu aktar immigranti li għandhom ħiliet bażiċi fir-Renju Unit. Kienu biss 18% li qablu li għandhom jidħlu aktar immigranti b’ħiliet bażiċi biex jiġu ingaġġati għal impjiegi manwali. Iżda 40% qalu li m’għandhomx jitħallew jidħlu aktar fil-pajjiż.
Dan l-istħarriġ sar wara li l-uffiċju tal-istatistika tal-pajjiż qal li l-immigranti huma mportanti ħafna għall-pajjiż, f’numru ta’ setturi fosthom f’dak tas-saħħa. Filfatt, fis-setturi tal-manifattura, ospitalità u saħħa hemm ingaġġati madwar 1.5 miljun immigrant. Fl-aħħar xhur rajna numru ta’ immigranti li jgħixu fil-pajjiż inkwetati dwar id-deċiżjoni ta’ BREXIT u minn din l-istatistika ħareġ li wieħed minn kull 10 impjegat huma barranin u għalhekk dawn il-ħaddiema huma mportanti għall-ekonomija.