Liz Truss hija l-Prim Ministru l-ġdida tar-Renju Unit, wara li rebħet l-elezzjoni fi ħdan il-Partit Konservattiv kontra Rishi Sunak.
Truss hija t-tielet Prim Ministru mara, wara Margaret Thatcher u Theresa May.
Ir-riżultat tħabbar fin-nofs siegħa ta’ waranofsinhar ħin tar-Renju Unit, wara ġimgħat ta’ kampanja fost il-membri tal-Partit Konservattiv.
Dan wara r-riżenja tal-Prim Ministru Boris Johnson aktar kmieni din is-sena, wara numru ta’ skandli fosthom dak magħruf bħala ‘Partygate’.
Bħalissa r-Renju Unit għaddej minn numru ta’ sfidi sinifikanti, fosthom rata ta’ inflazzjoni li ġabet lill-familji u negozji Brittaniċi fuq irkuptejhom, kif ukoll kriżi tal-enerġija li rat il-prezzijiet tal-enerġija jogħlew b’rata sinifikanti.
Quddiem dawn il-problemi, Truss qalet li se taġixxi b’mod immedjat biex tindirizzahom, u skont rapporti fil-midja Brittanika, hija kienet qed tikkunsidra tiffriża l-kontijiet tal-enerġija għall-konsumaturi filwaqt li l-gvern Ingliż jikkumpensa lill-fornituri tal-enerġija.
Truss qalet ukoll li fi żmien xahar se jkollha pjan sabiex tnaqqas it-taxxi u tagħti spinta lill-ekonomija Brittanika.