Ir-renju tal-bluha jinsab magħna.
F’temp li jsejjaħlek biex toħroġ, bdiet festa ta’ kuluri, żfin, mużika u kostumi ta’ kull lewn u still.
Dan propju deher fi Strada Rjali fil-Ħamrun fejn f’atmosfera ta’ festa ngħaqdu l-elementi kollha ta’ dak li għandna nistennew fil-Karnival, fi ftit tal-jiem oħra.
Il-Ħamrun liebes il-libsa ta’ festa, fejn kien ikkaratterizzat minn briju, kostumi u karrijiet ta’ kull għamla.
L-aktar li spikkaw kienu t-tfal ż-żgħar lebsin kostumi il-ġmiel tagħhom.
U b’kapaċità liema bħalha, liż-żgħar fostna, irħewla jiżfnu, jduru, jaqbżu u jallegraw mal-mużika biex juru dak li kienu ilhom jitgħallmu għal dawn l-aħħar xhur.
Propju dwar dan tkellimna magħhom fejn deher l-entuzjażmu f’wiċċhom anke għal jiem li ġejjin.
Tkellimna ukoll mal-Kumpaniji taż-żfin.
Ħadu sehem ukoll diversi baned, li bl-instrument tagħhom taw pjaċir lil kull minn attenda.
Fil-Ħamrun ukoll iddominaw il-karrijiet, sinomi ma’ dawn iż-żminijiet.
Tkellimna mas-Sindku tal-Ħamrun dwar is-suċċess tal-Karnival.
“It-triq li ssoltu tkun mimlija karozzi llum qegħda ddedikata lin-nies, għandek ħafna familji jieħdu pjaċir. Għadna erba’ baned, gruppi ta’ żeffina, diversi karrijiet ukoll, ’il fuq minn 18-il wieħed karru. Atmosfera sabiħa. Kuntent li hawn ħafna tfal jilgħabu u jgawdu ‘l festa tagħhom ukoll.”
Christian Sammut – Sindku Ħamrun
Biex b’hekk ingħata bidu għar-renju tal-bluha, fejn għal dawn il-jiem li ġejjin se jkunu jiddominaw il-briju, il-kuluri u fuq kollox il-ferħ li jġib miegħu l-Karnival Malti.



Ritratt – Mark Mangion