F’lukanda ewlenija f’San Ġiljan ittellgħet konferenza mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika bil-għan li jasal aktar il-messaġġ ta’ x’inhu l-irwol ta’ dan l-uffiċċju.
Kien enfasizzat li f’dinja li kulma jmur qed tinbidel, tibqa’ – jekk mhux tiżdied – ir-relevanza tal-istatistiċi, biex tingħata stampa ċara tas-soċjetà u s-setturi fi ħdanha; ħalla abbażi tagħha jittieħdu d-deċiżjonijiet.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ilu jeżisti għal aktar minn ħamsin sena, u xogħlu huwa msejjes fuq koperazzjoni u sinerġija mal-partijiet kollha nvoluti; primarjament biex l-informazzjoni tkun preċiża filwaqt li ma jsirx xogħol doppju.
Quddiem udjenza nvoluta fis-settur, f’opportunità unika għal djalogu m’esperti u ma’ minn jiġbor u jipproduċi l-informazzjoni, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna nnota t-tkabbir ekonomiku robust li għaddej minnu pajjiżna, u allura kemm huwa importanti li jinżammu l-istatistiċi.
Qal ukoll li l-Gvern jinsab iffukat biex jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa ħalli pajjiżna jkompli jikseb is-suċċessi.