L-Erbgħa filgħodu, simpożju organizzat mill-Uffiċċju tal-President tar-Repubblika ta’ Malta ddiskuta r-relazzjoni familjari bejn ir-Renju Unit u pajjiżna f’bosta aspetti, fosthom iI-kultura u l-istorja.
Dwar din ir-relazzjoni, li bdiet mijiet ta’ snin ilu, tkellmu, fost oħrajn, Cathy Ward, il-Kummissarju Għoli tar-Renju Unit għal Malta, li xeħtet dawl fuq dak li jagħmel ir-relazzjoni bejn ir-Renju Unit u Malta waħda speċjali u unika.
Fid-diskors tagħha, il-Kummissarju Għoli tar-Renju Unit rrimarkat li rabtiet ċari ta’ konnessjonijiet storiċi jinsabu kullimkien u li l-istorja komuni tagħna tinsab f’mużewijiet madwar Malta kollha. Hi kompliet tgħid li permezz tar-relazzjoni bejn ir-Renju Unit u Malta, għandna l-istess valuri u lesti niddefenduhom, inkluż bħala sħab fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda.
Waqt is-sessjoni introduttorja, tkellmu Emmanuel Mallia, il-Kummissarju Għoli ta’ Malta għar-Renju Unit; Lord Ahmad ta’ Wimbledon, il-Ministru tal-Istat għal-Lvant Nofsani, l-Afrika ta’ Fuq, l-Asja t’Isfel u l-Ġnus Magħquda fl-Uffiċċju għall-Affarijiet Barranin, il-Commonwealth u l-Iżvilupp; u Ian Borg, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ.
Fid-diskors tiegħu waqt it-tielet minn din is-sensiela ta’ Simpożji Kulturali tal-Presidenza, il-President George Vella, fakkar il-kliem sabiħ li uża r-Re Karlu meta tkellem dwar Malta u l-affezzjoni li ommu, il-mibkija Reġina Eliżabetta II, kellha għal Malta matul is-snin hekk kif b’tant għożża kienet tiddeskrivi lil Malta, bħala l-“Gżira tal-Memorji Sbieħ” tagħha.
Il-President qal li l-influwenza tal-istabbilimenti, tal-ministeri, baned u anke każini tal-banda għandhom konnessjonijiet kolonjali anke f’isimhom stess, bħall-King’s Own li għadha banda popolari. Hu kompla li, tul is-snin, pajjiżna wkoll addatta ma’ ikel tradizzjonali Ingliż, bħall-fish and chips, l-English breakfast u anke t-tè, fost oħrajn.
Minbarra hekk, hu stqarr li r-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi ħalliet marki speċjali fuq l-iżvilupp ta’ pajjiżna, fil-kultura, fir-relazzjonijiet fil-familji, il-lingwa u bosta aspetti oħrajn tal-ħajja Maltija.