Fl-ewwel nofs ta’ din is-sena diġà ġew f’pajjiżna ftit inqas miljun u mitejn u disgħin elf (1,289,292) turist f’Malta.
Dan ħareġ minn ċifri uffiċjali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, li wrew kif kien hemm żieda ta’ aktar minn wieħed u tmenin elf (81,224) turist, meta mqabbel mal-ewwel nofs tas-sena tal-elfejn u dsatax – l-aqwa sena għat-turiżmu f’pajjiżna.
Dan hekk kif fl-ewwel nofs tal-elfejn u dsatax ġew ftit aktar minn miljun u mitejn elf turist f’pajjiżna.
Dan ifisser li fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, pajjiżna issa għandu rekord ġdid ta’ turisti u dan wara li sal-bidu tas-sena l-oħra, pajjiżna, mal-kumplament tad-dinja, kien għadu għaddej bir-restrizzjonijiet tal-pandemija.
Jirriżulta wkoll li n-nefqa tat-turisti fl-ewwel nofs ta’ din is-sena qabżet il-biljun ewro. Dan ifisser żieda ta’ aktar minn mija u ħamsin miljun ewro (€152.5 miljun), meta mqabbel mal-aħjar riżultati fl-ewwel sitt xhur ta’ erba’ snin ilu.
L-NSO ikkonferma li pajjiżna kellu rekord ta’ turisti fit-tieni kwart ta’ din is-sena, jiġifieri bejn April u Ġunju. Dan hekk kif ġew aktar minn tmien mija u erbgħin elf (846,230) turist. Dan waqt li fit-tieni kwart tal-2019, dan l-ammont ta’ turisti kien jgħodd għal madwar seba’ mija u tmenin elf (782,176) persuna.
Dan ifisser żieda ta’ erbgħa u sittin elf (64,054), meta mqabbbel mat-tieni kwart tas-sena elfejn u dsatax (2019).
Dan ir-rekord ta’ turisti fit-tieni kwart ta’ din is-sena jingħaqad ukoll ma’ dak li kien hemm fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, hekk kif f’dan il-kwart imsemmi kien hemm ukoll rekord.
Minn dawn iċ-ċifri tal-NSO ħareġ ukoll li fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena kien hemm żieda ta’ aktar minn żewġ miljun u mitt elf lejl, meta mqabbel ma’ sena qabel.
Dan hekk kif l-iljieli li t-turisti qattgħu f’Malta, bejn Jannar u Ġunju li għadda, kienu jgħoddu għal kważi tmien miljuni u mija u ħamsin elf.