Id-diskussjonijiet neċessarji, li għad iridu jibdew, dwar ir-reklamazzjoni tal-art f’pajjiżna għandhom ikunu ċċentralizzati fuq kif pajjiżna u ġensna se jgawdu minn iżjed spazji miftuħin li huma skarsi.
Fi stqarrija għall-istampa, il-kandidat Laburista fl-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Josef Caruana qal li “meta fil-globu kollu, ġensna hu wieħed mill-aktar densi kull kilometru kwadru, ir-reklamazzjoni tal-art għandha tkun tama għall-ġid ta’ wliedna u anke għal wlied uliedna.”
Bħala eżempji, isemmi parks naturali, ġonna u/jew postijiet oħrajn naturali għal skop ta’ divertiment u żvog u li jemmen li għandhom jiddominaw kull parti ta’ żona ġdida li nistgħu nkabbru artna biha.
“Il-fatt li s-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna se jippermettilna li nkomplu nikbru, aktar minn qatt qabel, iġiegħlna nħarsu lejn ir-reklamazzjoni tal-art b’viżjoni ferm iżjed pożittiva, anke jekk b’kawtela wkoll,” kompla l-kandidat Laburista.
“Ikun żbaljat min jaħseb li qatt ma kellna esperjenza simili fl-imgħoddi ta’ tali reklamazzjoni,” kompla Caruana, li wissa biex ma naqgħux fin-nassa ta’ min jargumentaw li s-suġġett twieled proprju issa li artna qed tara tkabbir fl-industrija tal-kostruzzjoni jew għax il-Gvern għandu fil-pjani tiegħu t-tħaffir għall-mina tant mixtieqa bejn Malta u Għawdex, bħala wegħda elettorali.
“Proġetti simili, inkluża parti mill-art tal-Imsida u parti mill-Port Ħieles, fakkarhom ukoll il-Prim Ministru Joseph Muscat fl-aħħar jiem.
Minkejja dan, fiduċjuż li Gvern Laburista llum iħares lejn tali possibbiltà b’għajnejn kompletament differenti minn kif rawha amministraturi preċedenti meta ħolqu tali żviluppi,” temm jgħid il-kandidat Laburista.