Il-kumpanija tal-gaming DRAFT KINGS, se tibda tibbaża l-operat Ewropew tagħha f’Malta. Din il-kumpanija bidet fl-Amerka u ilha topera għal dawn l-aħħar ħames snin. Pajjiżna ġie deskritt bħala l-aqwa pajjiż biex jiġi ibbażat l-operat ta’ din il-kumpanija mir-rappreżentanti tagħha li żaru lil pajjiżna fl-2015.
Ħmistax-il kumpanija qed juru interess li jkollhom liċenzja taħt ir-reġim il-ġdid tal-Malta Gaming Authority li ġie stabbilit fl-2016, dan hekk kif l-Awtorità Maltija tal-Logħob introduċiet regolamenti ġodda, li permezz tagħhom irregolat aħjar il-fantasy sports.
Il-fantasy sports huwa logħob li jintlagħab online u f’dinja virtwali dak li jkun qed jilgħab jista’ jagħżel atleti famużi biex jgħaqqad it-tim u jilgħab l-isport. Pereżempju logħba futbol online, il-plejer jista’ jagħżel l-atleti li jixtieq, minn Juan Mata sa Paulo Dybala u jgħaqqad tim tal-futbol li bih ikun jista’ jilgħab kontra l-avversarju.
Huwa logħob fejn wieħed jesponi l-ħiliet tiegħu, il-kapaċità li jidentifika plejer aħjar minn ieħor filwaqt li jesponi t-teknika li juża tul il-logħba. Dak li jkun irid jagħmilha ta’ kowċ u maniġer tat-tim fl-istess ħin. B’differenza mil-logħob reali li jdum għaddej staġun sħiħ, dan il-logħob virtwali jintemm f’temp ta’ ġimgħa.
Il-Ministru Manwel Mallia saħaq l-importanza tal-industrija diġitali għall-ekonomija Maltija. Huwa kellu kliem ta’ tifħir dwar ir-regolamenti l-ġodda hekk kif jassiguraw li l-logħob ikun ġust u li l-industrija ma tkunx imtappna bil-frodi. Hekk kif ir-regolamenti l-ġodda saru b’mod li l-logħob fantasy sports jiddistingwu ruħhom mil-logħob tal-imħatri.
DraftKings hija waħda mill-akbar pjattaformi tal-fantasy sports, u permezz tat-tibdil fir-regolamenti ntrodotti mill-Awtorità Maltija tal-Logħob, din il-kumpanija issa tista’ tibda topera f’pajjiżi Ewropej. Dan ifisser li t-tibdil fir-regolamenti qed jattirraw aktar investiment lejn pajjiżna, investiment li jiġġenera aktar dħul fl-ekonomija Maltija filwaqt li toffri opportunitajiet ġodda għall-ħaddiema Maltin.
Aqra aktar: Bidla fir-regolamenti tfisser kumpaniji ġodda