L-Ewropa għandha bżonn tagħraf li, indipendentement mill-Brexit u Trump, ir-regoli dwar l-investiment, ir-riformi strutturali u l-konsolidament fiskali ikunu riveduti. Fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu Dr Alfred Sant qal li r-regoli tas-Semestru Ewropew ma wasslux għal Ewropa aktar stabbli u għal fejqan ekonomiku aktar sostenibbli.
Ir-regoli ma rnexxilhomx jagħtu spinta lil ekonomija Ewropea, ma naqqsux il-qgħad u ma tawx nifs ġdid lil investiment. Dawn ir-regoli, li saru fi żmien meta l-qagħda ekonomika kienet kompletament differenti minn ta’ issa, wasslu għal tnaqqis tal-investiment pubbliku.
Dr Sant tkellem waqt id-dibattitu dwar is-Semestru Ewropew li kien jinkludi l-‘Annual Growth Survey 2017’. Dan id-dokument ġie ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea l-ġimgħa l-oħra u ippreżentat lil Parlament Ewropew għad-diskussjoni.
L-Annual Growth Survey uffiċċjalment jiftaħ il-proċess għas-Semestru Ewropew għas-sena li jmiss. B’mod partikolari, jfassal il-prijoritajiet ekonomiċi għall-UE u joffri lil mexxejja Ewropej linji gwida għas-sena li tkun ġejja. Il-linji gwida tal-Kummissjoni mibnija fuq tliet pilastri marbuta ma’ xulxin: l-investiment, ir-riformi strutturali u l-konsolidament fiskali.
Dr Sant saħaq li mhux produttiv li nirreferu għal Brexit u għal Trump bħala sinjal li wasal iż-żmien li nirrevedu l-politika li tintuża għar-regoli tas-Semestru Ewropew. Dawn ir-regoli nħolqu b’mod tekniku, anki meta kultant, kienu interpretati b’mod politiku.
Għenu biex ma jerġgħux jinħolqu ċ-ċirkostanzi tal-2008 imma ma wasslux għal stabilita` u għal żvilupp sostenibbli u sinifikattiv fl-ekonomija Ewropea. B’mod tekniku r-regoli ma ħadmux kif mixtieq u dan qed iwassal għal reazzjoni politika negattiva.
L-Ewroparlamentari Malti qal li l-qgħad baqa’ f’livelli għolja, it-tkabbir ekonomiku baqa’ fjakk. L-investiment ma ħax nifs ġdid, kemm fis-settur privat u anki f’dak pubbliku. Ir-regoli tas-Semestru Ewropew jikkontribwixxu bil-kbir għall-istat li qegħdin fih bħalissa.
Dan għaliex dawn tħejjew fi żmien meta s-sitwazzjoni kienet kompletament differenti minn dik li għandna llum. Il-linji tagħhom ma jaqblux maċ-ċirkostanzi tal-lum. Ftit minnhom tħejjew b’mod arbitrarju u l-eżistenza tagħhom mhix ġustifikata.
Ir-regoli nfushom swew biex naqas l-investiment pubbliku. B’hekk, l-investiment privat, li jirkeb fuq dak pubbliku, wkoll ġie affettwat ħażin. Hemm bżonn urġenti li l-Ewropa taċċetta li indipendentement mill-Brexit u minn Trump, ir-regoli tal-Patt ta’ Tkabbir u Stabilita` jeħtieġu reviżjoni, saħaq Dr Sant.