Il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-dejta Saviour Cachia stqarr li d-dħul tar-Regolamenti Ġenerali għall-Potezzjoni tad-Dejta, magħrufa l-aktar bħala GDPR, taw iktar jeddijiet liċ-ċittadini.
F’konferenza li ddiskutiet il-protezzjoni tad-dejta, il-Kummisarju saħaq li għalkemm qabel kien hawn bosta liġijiet li jħarsu id-data personali tagħna bħad-data tat-twelid, l-indirizz tagħna, ir-regolamenti tal-GDPR taw iktar drittijiet lill-ċittadini.
Qal li r-regolamenti biddlu l-mod ta’ kif kumpaniji fis-settur pubbliku u privat jużaw id-data personali tal-konsumatur.
Saviour Cachia, il-Kummissarju għall-informazzjoni u l-protezzjoni tad-data qal “ Kemm min-naħa tas-settur pubbliku u anke min-naħa tas-settur privat, iċ-ċittadin fih innifsu, kull darba li jiltaqa’ ma’ xi ħaġa, jiġiferi pereżempju jkun jaf li għandu dritt biex ikollu kopji ta’ informazzjoni li qed tiġi proċessata madwaru, ikollu dritt li jekk l-informazzjoni mhux korretta, għandu dritt jitlob biex dik tiġi rranġata, jiġifieri hemm ħafna affarijiet minn dawn. U anke fuq l-affarijiet fuq l-internet, jiġifieri bil-mod kif jinżammu fuq l-internet.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-protezzjoni tal-konsumatur, Deo Debattista qal li f’era fejn kulħadd iħoss il-bżonn li jippubblika ħajtu fuq il-midja soċjali, is-soċjeta’ tifhem ukoll id-dritt li tipproteġi d-data personali.
Deo Debattista is-Segretarju Parlamentari stqarr li: “B’din id-data protection day aħna nfakkru n-nies li għandhom dritt għall-privatezza tagħhom u fl-istess ħin infakkru lil dawk kollha li jiġbru d-data, li ma jistgħux jiddisponu minnha kif iridu jew jixtiequ”.
Dr Debattista qal li bħalissa għaddejja wkoll diskussjoni dwar il-Privatezza Elettronika li tmur lil hinn mid-dejta
personali għax tittratta l-ħajja privata ta’ kull wieħed u waħda minna.