Programm, li jinkoraġġixxi individwi inattivi u persuni anzjani jintroduċu attitavitajiet fiżiċi fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, għadu kemm tnieda mir-Reġjun Tramuntana.
Il-proġett ‘Blue Green Exercise for Wellbeing’, kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-programm Erasmus+, hu intiż li jżid il-benefiċċji għas-saħħa fiżika u mentali, anke minħabba li qed isir f’ambjenti naturali.
Fil-fatt il-programm qed jagħti l-faċilità ta’ attività fiżika f’żoni rurali jew żoni urbani, li qed jiġu żviluppati f’aktar spazji ħodor ta’ kwalità għolja, żoni pedonali u infrastruttura li tappoġġja l-użu tar-rota, fost l-oħrajn.
L-istrateġija warajh tirrimarka l-importanza ta’ aċċess indaqs għall-opportunitajiet ta’ attivitajiet fiżiċi u tfittex tibdel stili ta’ ħajja, li huma kontributuri għal kundizzjonijiet kroniċi u mard ieħor. Għalhekk, il-proġett ‘Blue Green Exercise for Wellbeing’ qed jippromwovi ħajja attiva fi ħdan il-komunitajiet tagħna.
Dan il-proġett jimxi perfettament mal-istrateġija favur attività fiżika għal kull età u kapaċità ppubblikata riċentament mill-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva.
Il-proġett tar-Reġjun Tramuntana għandu għaddej sas-Sibt 28 ta’ Settembru u mistenni jintemm b’logħba futbol bejn min jixtieq jipparteċipa, flimkien ma’ kunsillieri u sindki mil-lokalitajiet involuti.