Ir-Reġjun ta’ Sqallija approva l-proġett tat-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija, li se jsaħħaħ l-interkonnessjoni ta’ pajjiżna mal-kontinent Ewropew.
Dan tħabbar fi stqarrija minn Interconnect Malta, fejn intqal li issa l-aħħar pass li fadal huwa l-awtorizzazzjoni finali tal-Ministeru għall-Ambjent u s-Sigurtà Enerġetika.
Intqal li aktar kmieni din is-sena, il-Ministeru Taljan temm proċess ta’ konsultazzjoni b’riżultat pożittiv.
Dan it-tieni cable ser ikollu tul komplessiv ta’ 122 kilometru, inkluż cable f’qiegħ il-baħar b’tul ta’ 99 kilometru, u se jittrasmetti kurrent alternat b’vultaġġ għoli. Permezz ta’ dan il-proġett, se tirdoppja l-interkonnessjoni tal-elettriku u l-kapaċità ta’ Malta mal-Ewropa.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Interconnect Malta, l-Inġinier Ismail D’Amato sostna li dan huwa riżultat pożittiv, li se jwassal biex isir dan it-tieni interconnector.
Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli esprimiet il-gratitudni tagħha lill-President tar-Reġjun ta’ Sqallija, Renato Schifani, għal kollaborazzjoni kontinwa tar-reġjun. Sotniet li t-tieni interconnector huwa proġett kruċjali biex titwettaq l-viżjoni tagħna fl-enerġija, immirata li toffri sostenibbiltà billi tiżdied l-enerġija rinnovabbli sabiex pajjiżna jilħaq il-miri li għandu quddiemu.