L-ACES Europe – assoċjazzjoni volontarja li tiġbor fiha mijiet ta’ bliet u rħula madwar is-27 Stat membru tal-Unjoni Ewropea – għażlet lir-Reġjun Lvant f’Malta biex ikun ir-Reġjun Ewropew tal-Isport 2023.
Ir-Reġjun huwa kompost minn Birkirkara, Ħal Għargħur, il-Gżira, l-Iklin, Ħal Lija, l-Imsida, Pembroke, Tal-Pietà, San Ġiljan, Tas-Sliema, is-Swieqi, u Ta’ Xbiex.
L-ACES Europe torganizza numru ta’ avvenimenti Ewropej filwaqt li tiddikjara bliet, reġjuni, komunitajiet, u gżejjer bħala l-kapitali Ewropej għall-Isport.
Id-deċiżjoni ttieħdet wara li delegazzjoni mill-assoċjazzjoni ACES ġiet Malta biex tara l-faċilitajiet sportivi fir-Reġjun Lvant u tikkunsidra l-entużjażmu tal-pubbliku għall-applikazzjoni li r-Reġjun għamel.
Il-Kunsill Reġjonali tal-Lvant irċieva ittra uffiċjali mingħand il-President u Fundatur tal-ACES Europe, Gian Francesco Lupatelli, li kkomunikat din l-aħbar.
Fl-ittra Lupatelli kiteb li r-Reġjun Lvant huwa tassew eżempju tajjeb tal-isport għal kulħadd bħala strument ta’ saħħa, integrazzjoni, edukazzjoni, u rispett, li huma l-għanijiet ewlenin tal-ACES Europe.”
Bħalissa, il-belt kapitali Spanjola Madrid hija l-Belt Kapitali għall-Isport, u t-titlu se jimxi għal Ġenova, l-Italja, is-sena d-dieħla.
Waqt żjara f’Malta, is-Segretarju Ġenerali tal-ACES Europe, Hugo Alonso, enfasizza tliet punti, fosthom il-ħidma li saret minn dan ir-Reġjun u l-investiment li qed isir f’faċilitajiet sportivi.
“These three points – first in Malta – the will to achieve and the investment are fantastic and the three main points. Then, you have sport and tourism, which is really nice for us.”
Il-President tar-Reġjun Lvant, Anthony Chircop, spjega kif l-assoċjazzjonijiet fi ħdanu issa se jospitaw logħob fuq dimensjoni Ewropea. Barra minn hekk, dan it-tip ta’ avvenimenti se jiġġeneraw ukoll dħul fl-ekonomija Maltija.
“B’dan l-iskop mhux biss jitjieb il-livell tal-isport imma anki jiġġenera ċertu dħul għall-pajjiż għaliex dawn jiġu hawn u eventwalment ikunu qegħdin jonfqu l-flus f’akkomodazzjoni, eċċetra.”
Dan mhux se jkun l-uniku avveniment sportiv internazzjonali li mistenni jiġi f’pajjiżna minħabba li, matul is-sena 2023, pajjiżna se jospita wkoll il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar u l-Kampjonat tal-UEFA ta’ taħt id-19-il sena.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Clifton Grima, qal li dawn l-inizjattivi jmorru id f’id mal-aspetti msemmija fl-istrateġija nazzjonali għall-isport li kien nieda l-Gvern Malti fl-2019.
“Għandek l-edukazzjoni imma għandek ukoll dak li huwa l-aspett ekonomiku u dak li huwa turiżmu sportiv. Allura huwa mportanti li naħdmu f’sinerġija bejn diversi ministeri u proprju nkunu ta’ appoġġ, f’dan il-każ għar-reġjun partikolari ġewwa pajjiżna.”