L-industrija tal-avjazzjoni f’pajjiżna qed tesperjenza tkabbir b’saħħtu u qed tattira interess barrani tant li r-reġistru tal-ajruplani mistenni jaqbeż it-800 ajruplan irreġistrat Malta sas-sena d-dieħla.
Barra minn hekk, sal-ħarifa se jkunu ngħataw ħames Aircraft Operating Certificates (AOCs) oħra.
Dan ħabbru l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura, u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia. fil-ftuħ tal-konferenza Malta Aviation Conference & EXPO, MACE, li hija konferenza internazzjonali li titratta s-settur tal-avjazzjoni li ssir f’Malta kull sena.
Din il-konferenza tattira numru ta’ delegati minn madwar id-dinja. Id-delegati li jattendu huma dawk li ta’ kuljum jieħdu d-deċiżjonijiet f’dan is-settur u l-organizazzjonijiet rispettivi tagħhom. Ħafna minnhom iservu f’diversi rwoli eżekuttivi bħal kapijiet eżekuttivi, sidien ta’ kumpaniji, investituri, flimkien ma’ nies oħra li jaħdmu fl-industrija tal-avjazzjoni. Din il-konferenza hija pjattaforma għall-investituri u l-professjonisti li joperaw f’din l-industrija, biex jiltaqgħu ma’ dawk li jipprovdu s-servizzi fil- livell lokali fl-industrija tal-avjazzjoni.
Il-Kap Eżekuttiv tat-Transport Malta, il-Brigadier Jeffrey Curmi, stqarr li l-viżjoni tal-Awtorità hi li tkompli tattira aktar kumpaniji lejn Malta, iżda dan it-tkabbir jeħtieġ li jkun sostenibbli.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura, u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, qal li l-industrija tal-avjazzjoni qed tesperjenza tkabbir b’saħħtu u qed tattira interess barrani. Żied jgħid li din l-industrija b’saħħitha qed toħloq impjiegi ta’ kwalità f’pajjiżna.
Il-Ministru Farrugia spjega li l-Gvern qiegħed jaħdem biex jiżgura li l-avjazzjoni tiġi rikonoxxuta bħala settur ewlieni fl-ekonomija ta pajjiżna u tingħata r-rikonoxximent li tassew jixirqilha.