Ir-reġistru marittimu Malti klassifika fost l-aqwa 20 minn madwar id-dinja fil-lista l-bajda tal-Paris MOU.
Ħabbar dan il-Ministru għat-Trasport Ian Borg flimkien mat-tmexxija ta’ Transport Malta li hija responsabbli mir-reġistru Malti hekk kif spjegaw li r-reġistru Malti kklasifika fis-17-il post.
Intqal kif ir-reġistru Malti kklassifika tajjeb ħafna wkoll fil-lista l-bajda tat-Tokyo MOU hekk kif ikklassifika fis-16-il post.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Forti Sant’ Anġlu l-Ministru Ian Borg spjega li dawn ir-riżultati jirriflettu tajjeb il-ħidma sfieqa tar-regolatur tal-istat.
Dan hekk kif huwa minħabba n-numru kbir ta’ spezzjonijiet li r-reġistru marittimu Malti kklassifika tant tajjeb f’dawn il-lista.
Fil-fatt il-lista l-bajda tal-Paris MOU tindika li bejn l-2017 u l-2019, fir-reġistru marittimu Malti twettqu 4,652 spezzjoni li wasslu għal 110 detenzjoni. Dan filwaqt li fil-lista l-bajda tat-Tokyo MOU twettqu 3,481 spezzjoni u li wasslu f’118 detenzjoni.
Il-Ministru Ian Borg spjega wkoll il-ħidma tal-Gvern f’dan is-settur fl-aħħar snin. Settur li fl-2019 ammonta għal 14% tal-prodott domestiku gross.
Fost oħrajn spjega li fl-aħħar 7 snin Gvern Laburista rdoppja t-tunnellaġġ fir-reġistru marittimu Malti minn 42 miljun fl-2012 għal 83 miljun fl-2019.
Ir-reġistru Malti għandu l-akbar numru ta’ vapuri rreġistrati fih fl-Ewropa u huwa s-sitt l-akbar reġistru mid-dinja kollha.