Fl-aħħar tliet snin ir-Reġistru Malti tal-Kumpaniji ħassar aktar minn sittax-il elf u ħames mitt kumpanija minn fuq ir-reġistru tal-kumpaniji.
Dan ħareġ waqt tweġiba li ta l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri hekk kif kien mistoqsi dwar il-ħidma tar-reġistru mill-2019 sa Settembru li għadda.
Fil-fatt, fl-2019 ġew mħassra 890 kumpanija minn fuq ir-Reġistru tal-Kumpaniji u fl-2020, ġew imħassra 11,289 kumpanija. Sa Settembru ta’ din is-sena tħassru 4,234 kumpanija.
Dan bħala parti minn proċess rigoruż li embarka fuqu ir-Reġistru Malti tal-Kumpaniji sabiex iġib ir-reġistru aktar trasparenti għal investituri li jixtiequ jinvestu f’dawn il-kumpaniji.
Fil-fatt dwar dan tkellimna mal-Kap Eżekuttiv tar-Registrat tar-Reġistru Malti tal-Kumpaniji Dr Geraldine Spiteri hekk kif spjegat li dawn il-kumpaniji jitħassru wara żmien twil ta’ notifika mir-Reġistru biex jiġu konformi mal-kriterji ta’ dokumentazzjoni stabbiliti.
Qalet, “Jekk il-kumpanija tinjora l-ewwel ittra nibgħatu reminder xahar wara, jekk ovjament il-kumpanija terġa’ tinjora u ma tweġibx li qed tagħmel negozju etċ, ir-reġistratur imexxi u jippubblika lista ta’ dawk il-kumpaniji identifikati fuq gazzetta li toħroġ kuljum sabiex tinforma lill-kredituri li dik il-kumpanija se tiġi magħluqa.”
Hija spjegat ukoll kif dan il-proċess wassal biex ġew ravivati 30 kumpanija, bi 32 oħra jinsabu b’kawżi pendenti biex jerġgħu jiġu ravivati.
Spjegat, “Dawn il-kumpaniji qegħdin f’koperazzjoni magħna u qed nuruhom x’dokumenti li għandhom iġibu eċċ, kif jiġu in regola aħna ninfurmaw lill-Qorti li aħna sodisfatti b’dak li ssottomettew il-kumpaniji u l-Qorti tmexxi biex tagħti d-digriet tagħha.”
Dr Spiteri li riċentament inħatret f’din il-kariga sostniet li l-viżjoni tar-Reġistru hi t-tisħiħ tat-trasparenza.
Qalet, “L-għan prinċipali tiegħu li nkompli nisħqu fuq it-trasparenza tal-kumpaniji u mhux biss nippriedkaw trasparenza għall-kumpaniji u barra iżda trasparenza fil-Malta Business Registry.”
Kull min jixtieq iżur is-sit tar-reġistru tal-kumpanija sabiex jikkonsulta miegħu jista’ jagħmel dan fuq is-sit https://registry.mbr.mt/ROC/