Ir-reġistru Malti għas-super yachts huwa l-aqwa fid-dinja, b’aktar minn 850 super yachts b’qies ta’ ‘l fuq minn 24 metru jtajjru l-bandiera Maltija.
Ħabbar dan il-Ministru għat-Trasport Ian Borg f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Garden Yacht Marina f’Ta’ Xbiex. Il-Ministru qal li din is-sena dan ir-reġistru kellu żieda ta’ 7% reġistrazzjonijiet mis-sena ta’ qabel filwaqt li fl-aħħar ħames snin, ir-reġistru tas-super yachts ra żieda ta’ aktar minn 50%.
Din iż-żieda tfisser li l-ġurisdizzjoni Maltija hija fost l-aqwa u l-aktar imfittxija għaliex toffri kwalità kif ukoll għandha reputazzjoni pożittiva għas-servizz li jagħti pajjiżna f’dan is-settur.
Il-Kap Eżekuttiv u ċ-Chairman ta’ Transport Malta, is-Sur Joseph Bugeja qal “Illum qegħdin naraw ir-riżultat tad-dinamiżmu ta’ Transport Malta fejn jidħol is-settur tal-bandiera Maltija merkantili. Hawnhekk qegħdin nuru x-xogħol siewi li qed isir biex inkunu kapaċi niġbdu lejn il-bandiera Maltija industrija partikolari, is-super yacht industry.”
Ir-reġistru tas-super yachts qed jattira wkoll jottijiet li huma rreġistrati fir-Renju Unit u li minħabba Brexit qed ifittxu bandiera Ewropea, b’ħafna minnhom diġà qed itajru l-bandiera Maltija.
Ir-Reġistratur Ġenerali tat-Tbaħħir u l-Baħħa, is-Sur Ivan Sammut stqarr “Qed nuru bil-fatti li l-proattività tal-Gvern u l-Awtorità kienet waħda li rnexxielha tattira ħafna minn dawn l-operaturi lejn Malta, mhux b’kumbinazzjoni, imma minħabba l-livell ta’ servizz li komessi li nkomplu nagħtu u minħabba li bħala ġurisdizzjoni hemm reputazzjoni ta’ bandiera Ewropea.”
Il-Ministru Ian Borg sostna wkoll illi l-edukazzjoni qed timxi id f’id ma’ dan is-settur permezz ta’ korsijiet li jwasslu għall-impjiegi ta’ kwalità.
Huwa sostna “Fl-aħħar mill-aħħar dan ifisser aktar flus lejn l-ekonomija Maltija, iżjed impjiegi ta’ kwalità. Impjiegi ta’ kwalità kemm fuq l-art għaliex hemm ħafna nies li jaħdmu wara dawn ir-reġistrazzjonijiet, hemm ħafna nies li jieħdu ħsieb il-bastimenti u n-nies li jaħdmu fuqhom imma mbagħad anke jobs li jistgħu jagħtu valur miżjud u allura t-taħriġ li qed isir kemm fl-MCAST u f’kemm Maritime MT.”
Intant, illum tħabbret reviżjoni tal-kodiċi sabiex jiġu attirati jottijiet li jniġġsu inqas magħrufa bħala green yachts. Din ir-reviżjoni tinsab miftuħa għall-konsultazzjoni għall-perjodu ta’ tliet xhur.