Bħal-lum tmenin sena, il-ħmistax t’April tal-elf disa’ mija u tnejn u erbgħin, Malta fl-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija ngħatat il-George Cross mir-Re Ġorġ VI tar-Renju Unit.
Dan il-premju ngħata bħala turija ta’ apprezzement lejn il-poplu Malti u Għawdxi, li minkejja li sofra u tilef diversi minn ħutu, xorta baqa’ kuraġġuż.
Dan hekk kif f’Malta, f’nofs il-baħar Mediterran niżlet xita ta’ bombi mill-qawwiet Taljani u Ġermaniżi, minħabba l-operazzjoni fl-Afrika ta’ Fuq mill-qawwiet tal-Assi.
April tal-elf disa’ mija u tnejn u erbgħin kien wieħed qalil immens, hekk kif matulu ġġarrfu diversi djar u binjiet, speċjalment fin-naħa tal-port. B’diversi nies spiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom u oħrajn anki tilfu ħajjithom.
Il-George Cross jinsab fuq il-bandiera nazzjonali Maltija, wara li tpoġġa fl-elf disa’ mija u tlieta u erbgħin.
Intant, f’messaġġ għal din l-okkażjoni r-Reġina Eliżabetta t-Tieni bagħtet messaġġ lill-President ta’ Malta George Vella, fejn awgurat lill-poplu Malti li qalet li tiftakar b’tant għożża. Hija qalet kif il-qlubija, l-erojiżmu u d-devozzjoni tal-poplu Malti mhuma se jintesew qatt.