L-istudent tal-MCAST, Eman Borg se jkun qed jingħata premju ta’ rikonoxximent mir-Reġina Eliżabetta għal proġett li għamel bit-titlu ta’ Human Rights Proposal Paper on Gozo. Dan l-istudent kien qed isegwi kors ta’ Diploma f’livell avvanzat fil-Marketing u se jkun qed jirċievi il-Queen’s Young Leaders Award.
Dan il-premju jingħata lil żgħażagħ li għandhom bejn it-18-29 sena li ġejjin minn pajjiżi tal-Commonwealth, li qed jużaw il-ħiliet tagħhom biex jagħmlu differenza fis-soċjeta. Ir-rebbieħa ta’ dan il-premju jingħataw opportunita ta’ taħriġ, li tinkludi ġimgħa ta’ tagħlim fir-Renju Unit li matula jkollom l-opportunita li jingħataw il-premju mir-Reġina. Ir-rebbieħa ta’ dan il-premju huma mistennija li jkompli jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom biex ikompli jgħinu lis-soċjeta.
Eman Borg ġie nominat biex jirrappreżenta lil Malta flimkien ma’ 60 parteċipant ieħor minn madwar il-pajjiżi tal-Commonwealth. Il-proġett tiegħu jiffoka fuq l-introduzzjoni ta’ LGBTI ‘safe house’ bl-għan li tinħoloq struttura li toffri ambjent sigur għal persuni LGBTIQ li jkollhom bżonn xi servizz filwaqt li fl-istruttura jkunu jistgħu jittellgħu avvenimenti li jippromwovu l-inklużjoni, liema avvenimenti jkunu appoġġjati minn NGOs u organizazzjonijiet oħra relevanti.
B’dan il-proġett, l-istudent Malti, ingħata ukoll l-opportunita li jsegwi studji dwar leadership skills tal-Universita ta’ Cambridge.