Disgħin jum wara li spiċċa staġun sħiħ ta’ sorpriżi – il-Premier League Ingliż reġa’ lura magħna.
Fuq il-pitch se nkunu qed naraw bosta uċuħ ġodda, fosthom l-aktar plejer li jiswa’ flus fid-dinja, Paul Pogba. Iżda din mhux se tkun l-unika bidla li se nkunu qed naraw – fosthom regoli ġodda fil-grawnd.
Jiddominaw ukoll ix-xena l-kowċis ġodda fosthom:
- Pep Guardiola għal Manchester City
- Jose Mourinho għal Manchester United
- David Moyes għal Sunderland
- Antonio Conte għal Chelsea
- Claude Puel għal Southampton
- Ronald Koeman għal Everton
- Walter Mazzarri għal Watford
Ma jonqsux it-trasferimenti ta’ plejers magħrufin mill-bosta, fosthom Pogba li rritorna f’Old Trafford wara biss 4 snin mal-Bianconeri. Ftit wara smajna li se nkunu qed naraw lil John Stones bil-flok tal-Manchester City. Trasferimenti oħra kienu dawk ta’ Zlatan Ibrahimovic, Leroy Sane, Henrikh Mkhitaryan u l-eks plejer ta’ Leicester, Kante. Hekk kif fadal 18-il ġurnata li fih jistgħu isiru trasferimenti ġodda, nistgħu nistennew aħbarijiet oħra.
Min se jirbaħ din is-sena?
Mistoqsija diffiċli hija dik ta’ min se jirbaħ din is-sena, dan wara s-sorpriza li rajna fl-aħħar kampjonat Ingliż meta t-tim ta’ Leicester City kien ir-rebbieħ. Din il-mistoqsija saqsejniha lil opinjonist tal-futbol Peter Paul Gauci, u lill-ġurnalisti sportivi Antvin Monseigneur u Rodney Vassallo.
Peter Paul Gauci stqarr li din hija mistoqsija verament diffiċli wara dak li rajna fl-aħħar staġun. Huwa spjega li minkejja li l-favoriti jidhru li huma Manchester United, xorta waħda jemmen li t-tim ta’ Manchester City, Chelsea, Tottenham u Arsenal se jkunu kompettitivi ferm f’dan il-league Ingliż u li dan jidher biċ-ċar mill-akkwisti li għamlu dawn it-timijiet.
Il-ġurnalist sportiv Antvin Monseigneur għażel ukoll lit-tim tar-Red Devils bħala l-favoriti li jirbħu l-league ta’ din is-sena. Monseigneur spjega li huwa diffiċli tipprevedi min se jirbaħ; għas-sempliċi raġuni li l-kampjonat Ingliż huwa wieħed mill-aktar kampjonati diffiċli fl-Ewropa u li baqalu jikkonferma kemm huwa kampjonat ta’ sorpriża wara li kontra kull mistenni, Leicester irnexxilhom jirbħu l-kampjonat Ingliż.
Huwa jemmen li dan bla dubju se jkun kampjonat interessanti wara li bosta timijiet għamlu akkwisti importanti bħal dawk ta’ Pogba u Ibrahimovic. Spjegalna li Chelsea ma jaffordjawx jerġa’ jkollhom kampjonat diżappuntanti bħal dak tas-sena l-oħra u li t-tim ta’ Tottenham se jkun qed jagħmel minn kollox biex jirbaħ il-kampjonat. Fil-kummenti tiegħu, Monseigneur, jemmen li Arsenal u l-Liverpool jeħtieġ li joħorġu minn snin twal ta’ neggativita’ u jippruvaw jagħmlu minn kollox biex jakkwistaw dan il-kampjonat tant mistenni.
Il-ġurnalista sportiv, Rodney Vassallo, għażel ukoll lil Manchester United bħala t-tim favorit li jirbaħ dan il-league Ingliż. Vassallo stqarr li dan il-kampjonat se jkun qed jara taqtiegħa ħarxa bejn uħud minn fost l-aqwa managers fiċ-ċirkolazzjoni. “Wieħed irid jara x’se jkun l-impatt ta’ managers bħal Antionio Conte ta’ Chelsea u Pep Guardiola ta’ Man City fl-ewwel esperjenza tagħhom fil-Premier League Ingliż.”
Timijiet li kienu attivi fis-suq tat-trasferimenti bl-akkwist ta’ plejer bħal Ngolo Kante u Michy Batshuayi ma Chelsea, Leroy Sane, John Stones u Ilkay Gundogan mas-City. Huwa spjegalna li Liverpool se jkunu hemm ukoll fl-isfida għall-ewwel erba’ postijiet, waqt li Arsenal ukoll se jkunu kompettitivi fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika, dan minkejja li l-Gunners kienu kemmxejn kwieti fis-suq tat-trasferimenti. Vassallo jemmen li b’manager b’mentalita’ rebbieħa bħal m’huwa Jose Mourinho u akkwist elite fil-forma ta’ Zlata Ibrahimovic u aktar riċenti Paul Pogba.