Ir-rebħa ta’ Donald Trump fl-elezzjoni presidenzjali tal-Istati Uniti essenzjalment tfisser li tal-anqas għall-erba’ snin li jdum jokkupa l-White House, ma jitkomplewx il-kawżi kriminali miġjuba kontrih.
Trump huwa l-ewwel eks President tal-Istati Uniti li ffaċċja akkużi kriminali u ġie kkundannat. Matul parti kbira ta’ din is-sena kien għaddej minn erba’ prosekuzzjonijiet simultanji fuq allegazzjonijiet li jvarjaw milli pprova jħallas lill-istilla tal-porn Stormy Daniels biex iżżomm ħalqha magħluq waqt il-kampanja elettorali tiegħu fl-2016 sat-tentattivi biex ibiddel ir-riżultat tal-elezzjoni 2020 għal wieħed favur tiegħu.
Mat-tħabbira tar-riżultat li Trump rebaħ l-elezzjoni, uffiċjali tad-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti bdew jevalwaw kif se jitwaqqfu ż-żewġ każijiet kriminali tal-Avukat Jack Smith kontra l-President Elett minħabba politika eżistenti li tipprojbixxi l-prosekuzzjoni ta’ President li jkun qed iservi.
F’Mejju, ġurija fil-qorti ta’ New York kienet sabitu ħati li ffalsifika rekords tan-negozju marbutin mal-ħlas li kien għamel lil Daniels.
F’intervista nhar l-24 t’Ottubru, Trump kien qal li wara żewġ sekondi minn kif jieħu l-ġurament kien ikeċċi lil Smith li kien mexxa l-prosekuzzjoni federali kontrih fl-akkużi dwar it-tentattivi tiegħu biex iwaqqa’ t-telfa elettorali tiegħu kif ukoll li żamm għandu dokumenti klassifikati wara li spiċċa mill-kariga. Trump kien wieġeb mhux ħati tal-akkużi u qal li l-prosekuzzjoni kienet politikament motivata.
Trump mhux se jkollu l-istess kontroll fuq il-każ pendenti ta’ tixħim biex jixtri s-silenzju li għandu fi New York jew il-prosekuzzjoni f’Georgia fejn kien ipprova jbiddel ir-riżultat tal-elezzjoni fl-2020 f’dak l-istat. Iżda l-pożizzjoni unika tiegħu ta’ President tagħmilha improbabbli li jiffaċċja konsegwenzi legali fi kwalunkwe każ matul il-mandat tiegħu.
Qabel ma jieħu l-ġurament nhar l-20 ta’ Jannar, għandu seduta tal-qorti skedata, iżda esperti legali qed jgħidu li wisq probabbli din ma tinstemax.