Kien Il-Ħelsien, l-organu tal-Partit Laburista li kien joħroġ filgħaxija fi żmien l-interdett, li fl-1964 ħareġ l-ewwel f’Malta bl-aħbar li Muhammad Ali, dak iż-żmien magħruf bħala Cassius Clay, kien rebaħ it-titlu tal-heavyweight għall-ewwel darba. Dan fil-25 ta’ Frar meta kien għeleb lil Sonny Liston b’knock-out tekniku.
Il-ġurnal kien immexxi mill-mibkija Nestu Laiviera, Lino Cassar u Lino Spiteri.
Dak iż-żmien, Charles Sacco – li kien għadu ħiereġ mil-Liċeo – kien jieħu ħsieb il-paġna tal-isports ta’ Il-Ħelsien, u tana dan ir-rakkont:
“Missieri, Remiġ, wara li kien spiċċa bir-run down ta’ l-ammiraljat u t-tarzna li għaddiet għal għand Bailey’s, kien impjega ruħu mal-Union Press fil-qasam tal-isports. Qabel kien hu li kien jieħu ħsieb il-paġna sportiva tal-Ħelsien, iżda meta ra li kellu konflitt ta’ interess, għaddieha lili.
Jiena minn dejjem kont entużjast għar-rappurtaġġ sportiv għax missieri kien rawwimni sa minn meta kont għadni fil-ħames klassi tal-Liċeo biex il-Ħadd immur dak li kien l-Empire Stadium u nirraporta l-logħbiet tal-Ewwel Divizjoni.
Dik il-għodwa tal-25 ta’ Frar, Remiġ, li kellu dejjem subgħajh fuq il-polz tal-aħbarijiet – ikunu xi jkunu – qajjimni u qalli: “Illum għandek storja scoop! Sonny Listion tilef kontra Casius Clay!”
Bil-kemm ridt nemmen x’kien qed jgħid. Il-media li tispeċjalizza fil-boxing kienet ilha tagħti pubbliċità lil din il-ġlieda iżda ftit kienu jaħsbu li l-ġgant Sonny Liston seta’ jitlef it-titlu li kellu ta’ World Heavyweight Boxing Champion kontra dak li erba’ snin qabel kien rebaħ il-midalja tad-deheb fl-Olimpjadi ta’ Ruma.
Mort b’ħerqa kbira il-Union Press fejn dak iż-żmien kienet tistampa l-Ħelsien. Kont nidħol kmieni biex ngħaddi xogħol li kien ikun lest u wara nisma’ l-aħħar aħbarijiet mill-istazzjonijiet tar-radju Ingliżi u Taljani biex lill-qarrejja inwasslulhom l-aħħar aħbarijiet sportivi wkoll.
Kif daħal Lino Cassar għidtlu u bil-kemm ma ħasibx li qed nieħdu bid-dgħajsa. Iżda meta vverifika, qalli li se jagħmel ħiltu biex iġib ir-ritratt tan-knockout. U hekk kien, kellna ritratt kbir fuq erba’; kolonni, bir-rapport b’kollox.
U dakinhar, il-Ħelsien kiteb ukoll l-istorja għax Lino ħaseb li jistampa iżjed kopji li nbiegħu kollha, speċjalment fil-bieb tat-tarzna u fin-naħa t’iself ta’ Maltra, partikolarment f’Ħal Qormi u ż-Żejtun, fejn il-boxing internazzjonali kien mkinn dejjem infittex.
Ma kontx preżenti għall-ġlieda… iżda kburi li meta nħares lura naf li lill-qarrejja Laboristi – bid-dnub il-mejjet b’kollox – kienu l-ewwel li raw ir-ritratt u qraw l-aħbar!”