Ir-rebbieħa tal-Premju għall-Arti, organizzat mill-Kunsill Malti għall-Arti fuq bażi annwali, se jitħabbru waqt serata tal-għoti ta’ premjijiet fil-Forti ta’ Sant’ Anġlu, il-Birgu, nhar l-Erbgħa li ġej.
Din hija l-ħames edizzjoni tal-Premju għall-Arti, u ġiet wara sentejn ta’ serati virtwali minħabba l-pandemija.
Għal din is-sena, il-Kunsill Malti għall-Arti rċieva aktar minn 350 nominazzjoni, b’100 li kienu eliġibbli u għal kull kategorija kien hemm 3 nominazzjonijiet li spiċċaw fil-finali, li r-rebbieħ tagħhom se jitħabbar fis-serata tal-premjijiet.
Din l-edizzjoni tal-Premju għall-Arti għandha 14-il premju, li 10 minnhom huma kompetittivi u 3 huma unuri, bi premju speċjali li jingħata wkoll għad-diskrezzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti għal kontribut straordinarju lejn l-arti u l-kultura matul is-sena. Premju li se jingħata għall-ewwel darba waqt din l-edizzjoni tal-Premju għall-Arti.
Minn naħa tagħha, id-Direttur għall-Fondi u l-Istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti, Mary Ann Cauchi, uriet is-sodisfazzjon tagħha lejn l-iżvilupp kontinwu li qed isir fis-setturi kreattivi u kulturali, minkejja l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija.
Cauchi qalet, “Proprju qed niċċelebraw l-eċċellenza. Fil-fatt, din il-ġimgħa se nkunu qed inħabbru r-rebbieħa tal-għaxar premijiet, tat-tliet unuri, u wkoll hemm premju speċjali. Dan se jiġri waqt performance tal-organizzazzjonijiet kulturali.”
Intant waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal li dan il-Premju juri l-importanza li l-awtoritajiet tal-pajjiż jagħtu lill-arti u l-kultura f’pajjiżna.
Il-Ministru Bonnici stqarr, “B’dan il-mod ikunu qed noħolqu ħidma biex dak li jkun itejjeb il-prodott u l-espressjoni kulturali tiegħu. Rajna li kien hemm konkorrenza kbira għal dan il-premju għall-Arti li jawgura tajjeb ħafna. Dan huwa premju mfittex mill-artisti u mill-komunità kulturali f’pajjiżna u dan itina kuraġġ biex inkomplu nagħmlu xogħol ta’ dan it-tip”
Iċ-ċerimonja tal-Premju għall-Arti 2022 se tintwera b’mod dirett fuq il-pjattaformi tal-midja soċjali tal-Kunsill Malti għall-Arti nhar l-Erbgħa fit-8.30pm.