L-ewwel reazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, għall-Budget għas-sena d-dieħla kienet li l-Partit Nazzjonalista se jkun fil-Gvern.
Huwa qal dan ftit minuti biss wara li l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, temm id-diskors tiegħu tal-Budget.
Qal, “Qabel xejn il-PN se jkun fil-Gvern”
Il-Kap Nazzjonalista b’mod konsistenti xerred kritika negattiva fil-konfront tal-Budget li tħabbar. Dan minkejja li bosta faħħru l-miżuri tal-Gvern li tħabbru it-Tnejn filgħaxija.
Minkejja li l-pensjonanti ngħataw żieda ta’ €12.50 fil-ġimgħa filwaqt li l-Gvern alloka aktar minn €600 miljun biex iżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli u b’hekk jassigura serħan il-moħħ, Bernard Grech qal li naqset l-għajnuna.
Qal, “L-għajnuna flok tiżdied tonqos.”
Sostna wkoll li l-Gvern ma’ ħabbar xejn ġdid.
Qal, “Tagħna more of the same.”
Grech kien iżolat ukoll fil-kritika tiegħu fil-konfront tal-miżuri li tħabbru għas-settur edukattiv. Dan hekk kif minkejja li msieħba soċjali bħall-MUT faħħru miżuri bħal dak ta’ laptops ġodda għal tfal fis-seba’ sena u t-tlestija ta’ xogħlijiet u rinovar f’aktar skejjel, il-Kap Nazzjonalista qal hekk.
Qal, “Edukazzjoni, ma semma kważi xejn.”
Intant Bernard Grech kien mistoqsi wkoll dwar il-Pre Budget Document tal-Partit Nazzjonalista. Dokument li qala’ kritika kbira mill-midja indipendenti.
Qal, “Peró ma sabux żbalji fl-istrateġija, ma sabux żbalji fil-proposti tagħna, ma sabux żbalji fil-miżuri li aħna fil-fatt qegħdin nimbuttaw. Ma qalulniex li hemm problema fil-pjan ekonomiku tagħna, qalulna li sabu xi spelling.”
Siti ta’ midja indipendenti bħall-MaltaToday, innutaw kif il-proposti tal-Partit Nazzjonalista fil-Pre Budget Document, kienu propjament dak li pproponew l-imsieħba soċjali, mingħajr mal-Partit Nazzjonalista ta spjegazzjoni aktar dettaljata jew saħansitra jiddikjarax jekk dawn għamilhomx tiegħu.
Iżda Bernard Grech qal li hu sodisfatt għall-kritika li qala.
Qal, “Il-Pre Budget Document tagħna huwa Pre Budget Document li l-kritika li rċieva mill-midja, lili ttini sodisfazzjon kbir għaliex sabu żbalji iva fl-ispelling.”