Il-jum tas-16 ta’ Ottubru mhux riflessjoni ta’ x’aħna bħala nazzjon. Il-qtil barbaru ta’ Daphne Caruana Galizia f’pajjiż bħal tagħna mhux biss mhux aċċettabbli iżda jkun miġġieled bil-qawwa u bl-isforzi kollha. Kif wara kollox qed jagħmel il-Gvern.
Dak li fil-kotba tal-istorja se jirrifletti ta’ x’aħna bħala nazzjon huwa l-mod kif qed u se nirreaġixxu. Hawn min ir-reazzjoni ta’ rabja tiegħu ħass li għandu jesprimiha bil-kitba, permezz tal-midja soċjali u hawn min li f’ċirkostanzi bħal dawn iħoss li għandu jħalli l-forzi tal-ordni jagħmlu x-xogħol tagħhom bil-kwiet anke jekk isegwi b’attenzjoni.
Oħrajn ħassew li għandhom jinżlu fit-toroq kif għamlu mijiet il-Ħadd li għadda u li magħhom saħansitra ngħaqad il-Partit Laburista. Ħasra li mument ta’ għaqda nazzjonali nbidel f’espressjoni politika partiġjana fejn mill-organizzazzjoni sad-diskors tal-aħħar kien hemm it-timbru tal-Partit Nazzjonalista.
Inkunu ċari minn din il-paġna bħalma nkunu kull nhar ta’ Ħadd. F’dan il-pajjiż kulħadd għandu dritt jipprotesta. Xhieda ta’ dan kienu l-aħħar jiem. Kulħadd għandu dritt ukoll li jagħmel dan f’isem partit politiku jew grupp fi ħdan l-istess partit. Din hi d-demokrazija.
Li mhux ġust, u dan aħna se nesponuh dejjem, hu li dak li hu politiku partiġjan jinħeba taħt l-għajta tas-soċjetà ċivili. Lil min jipprova jqarraq bil-poplu Malti wieħed għandu jesponih.
Iva, Malta għandha soċjetà ċivili b’saħħitha. Ir-referenda tad-divorzju u dak dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa kienu xhieda ta’ dan. Biex ma nsemmux eżempji oħra fejn anke jekk wieħed ma jkunx jaqbel mal-għan aħħari ta’ grupp li jkun qed jissielet għalih fis-soċjetà, ma jistax ma jammirax il-perseveranza u l-impenn tagħhom. Ngħidu aħna l-ġenwinità favur il-kawża.
Għalhekk iċ-ċirkostanzi tal-lum huma differenti. Nies bħal Michael Briguglio u Manuel Delia filwaqt li jistgħu jorganizzaw elf attività, ma jistgħu qatt jgħidu li qed jitkellmu f’isem is-soċjetà ċivili. L-interessi partiġjani ma jħalluhomx jagħmlu dan. Manuel Delia, pereżempju, diffiċli jħassar il-passatt tiegħu fil-kurituri fejn inkixfu l-ikbar każi ta’ korruzzjoni f’pajjiżna. Huwa proprju minħabba dan li attivisti soċjali prominenti f’pajjiżna ma sabux posthom f’dan il-grupp u saħansitra kitbu dwar hekk. Ma jridux jiċċappsu ma min hu mċappas b’passat li xejn ma jagħmel ġieħ lil għajtiet tas-soċjetà ċivili. Forsi Delia huwa l-iktar magħruf. Iżda, hemm oħrajn. Nistgħu nagħmlu lista twila ta’ nies f’dan il-grupp żgħir li qegħdin hemm għax m’għadhomx jitħanżru kif kienu fi żminijiet gvernijiet Nazzjonalisti. Jieħdu l-miljuni f’kuntratti u direct orders li r-riżultati tagħhom għall-pajjiż kienu ftit li xejn. Iżda, mhux l-iskop tagħna llum.
Dan insemmuh biex inkunu nistgħu nwasslu messaġġ lil kull min jappoġġja reazzjoni differenti. Dik favur Malta magħquda u favur ġustizzja tassew mingħajr ma dan il-qtil barbaru jintuża għal skopijiet partiġjani. Ngħidulhom li l-Maltin fi skiet ta’ djarhom jafu dawn in-nies min huma u jagħmlu huma l-evalwazzjoni u l-ġudizzju tagħhom. Aħna li nappoġġjaw lill-Partit Laburista, anke jekk kultant irrabjati b’kummenti inġusti, bl-ipokresija ta’ wħud u bl-allegazzjonijiet mingħajr bażi għandna nibqgħu nwieġbu b’kalma u b’ħidma favur Malta Tagħna Lkoll. Ikun hemm min jgħidlek, mhux dejjem faċli. Naqblu. Ma kinetx faċli lanqas meta vvintaw l-ikbar gidba fl-istorja politika ta’ pajjiżna fuq il-Prim Ministru. Dakinhar il-Prim Ministru rreaġixxa billi uża l-istrutturi li ttih il-liġi biex toħroġ il-verità filwaqt li baqa’ ffokat fuq xogħlu. Hekk għandna nagħmlu lkoll. Mingħajr ma naqgħu għall-provokazzjoni li bdiet u se tiżdied minn dawk li lanqas riżultat elettorali intern ma huma kapaċi jirrispettaw, aħseb u ara riżultat elettorali minn pajjiż sħiħ. L-ikbar risposta li nistgħu nagħtu lil dawn in-nies hija l-għaqda fil-pajjiż. Biex minnha nirbħu lkoll. Biex minnha tirbaħ Malta. Imbagħad dik tinkiteb fil-kotba tal-istorja. Dik tkun l-ikbar riflessjoni ta’ x’pajjiż aħna llum.
Din l-opinjoni kienet ippubblikata bħala editorjal fil-gazzetta KullĦadd tal-lum.