“Qegħdin ngħixu f’realtà fejn it-tfal ħafna drabi jispiċċaw vittmi ta’ tilwim bejn il-ġenituri, b’każijiet fejn l-ulied ikollhom jagħżlu bejniethom, u għalhekk jeħtieġ li nkunu preparati għal dawn iċ-ċirkustanzi,” stqarr il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon waqt li kien qed jindirizza l-konferenza bit-tema l-‘Familja u t-Trobbija tat-Tfal’.
Filwaqt li rrefera għal dawn it-tip ta’ każijiet, il-Ministru Michael Falzon tkellem dwar il-co-parenting, servizz ġdid offrut mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS), servizz li matulu jkun inkoraġġut il-ħsieb li l-ġenituri jaħdmu flimkien għall-aqwa interessi t’uliedhom.
Il-Ministru sostna li dan is-servizz innovattiv beda jitħaddem matul is-sena l-oħra, u diġà beda jħalli l-frott tiegħu fost it-tfal ta’ ġenituri li jkunu fi proċess ta’ separazzjoni, filwaqt li spjega kif dan il-proġett tal-co-parenting, huwa mifrux fuq tliet sessjonijiet ta’ siegħa minn professjonisti mħarrġa. Dan bil-għan li l-ġenituri jingħataw biżżejjed għarfien, ħiliet, informazzjoni u appoġġ biex b’hekk irabbu lil uliedhom bl-aqwa mod possibbli, għalkemm minn djar separati.
Il-Ministru Michael Falzon stqarr li r-riżultati li ħarġu mill-evalwazzjoni tal-proġett pilota juru xejriet pożittivi fost dawk il-ġenituri li fittxew l-appoġġ offrut. Intant il-Ministru Michael Falzon appella lil dawk kollha li jinsabu fi problemi familjari biex ifittxu l-għajnuna mis-Servizz Familjari Terapewtiku, fi ħdan l-FSWS, biex permezz t’għajnuna minn professjonisti fil-qasam, il-familja tkun tista’ terġa’ ssib lura sens ta’ serenità u paċi.