Ir-renju tal-bluha jinsab fuq l-għatba hekk kif ftit tal-ġimgħa oħra, il-kostumi, il-maskri u l-kuluri mistennija joħolqu l-atmosfera unika fil-varji attivitajiet li jġib miegħu l-Karnival kull sena.
Għal sena oħra, id-dilettanti tal-Karnival huma ħerqanin biex tasal dik il-ġurnata li jippreżentaw il-prodott finali tal-immaġinazzjoni tagħhom, li se tkun qed terġa’ tpaxxi lill-pubblikumatul il-ħamest ijiem tal-Karnival, li huma relattivament ftit imqabblin mal-ħidma fuq diversi xhur li dawn il-festi jirrikjedu.
Din is-sena ONE qasam il-fliegu u żar wieħed mill-imħażen f’Għawdex fejn qed isiru l-aħħar tħejjijiet fuq l-elementi kollha li jifformaw il-Karnival.
L-artisti tal-Karnival bħalissa qed jaħdmu sigħat twal f’diversi imħażen biex jagħtu l-aħħar irtokki għall-immaġinazzjoni Karnivaleska tagħhom. Għal dawn il-qalbiena, il-Ħdud u l-vaganzi huma opportunità biex iżidu r-ritmu fuq ix-xogħol li fadlilhom.
F’din l-atmosfera, tkellimna ma’ Jean Grima minn Labonski Carnival Company, li spjega li bħalissa għaddej ħafna xogħol, fosthom fuq il-karru tar-Re tal-Karnival.
“Għaddej ix-xogħol fuq il-karru tar-Re tal-Karnival, kif ukoll preparamenti min-naħa tal-kumpanija taż-żfin tagħna, preparamenti ta’ rehearsals, kostumi, ħjata u kif ukoll preparamenti biex inkunu nistgħu noħorġu u nagħtu l-ispettaklu tagħna fil-Pjazza tar-Rabat, Għawdex.”
Jean Grima minn Labonski Carnival Company
Hawn spjega li din is-sena, il-kumpanija applikat biex tagħmel ir-Re tal-Karnival wara s-suċċess tagħha s-sena l-oħra, iżda mhux biss.
“Il-kumpanija se tagħlaq għoxrin sena fil-Karnival f’Għawdex u l-fundatur ta’ din il-kumpanija Ġorġ Zammit, li kulħadd isibu bħala Labun, ħa jagħlaq sittin sena li daħħal hu personali jieħu sehem fil-Karnival.”
Jean Grima minn Labonski Carnival Company
Għalkemm il-kuluri u l-għamliet huma ta’ attrazzjoni waħedhom, fost l-akbar element ta’ kreattività huma l-inġenji u l-manuvrar f’dawn il-karrijiet.
Wara dan ix-xogħol, kollox jorbot ukoll fuq it-temp li f’dawn iż-żminijiet ħafna drabi jtertaq qalb il-karristi.
“Nisperaw li, bix-xogħol li għandna din is-sena, nagħtu spettaklu bħal ma tajna spettaklu tul dawn l-aħħar għoxrin sena.”
Jean Grima minn Labonski Carnival Company