Il-Palazz ta’ Buckingham ħabbar li r-Re Karlu III għandu kanċer.
Dan il-kanċer, li ma ntqalx eżatt f’liema parti, instab waqt li r-Re kien rikoverat l-isptar fl-aħħar jiem għal testijiet tal-prostata li ġew rakkomandati mit-tobba tiegħu. Minkejja dan, stqarrija uffiċjali qalet li l-kanċer mhux relatat mal-prostata.
F’din l-istqarrija ntqal ukoll li mil-lum, ir-Re tar-Renju Unit beda bil-kura għall-kanċer.
Intqal li se jkun qed jipposponi attivitajiet pubbliċi u se jkunu membri ewlenin tal-Familja Rjali li se jkunu qed jattendu għall-attivitajiet pubbliċi. F’din l-istqarrija ntqal li r-Re jħares ’il quddiem li jkun jista’ jirritorna biex jiltaqa’ mal-pubbliku.
Ir-Re Karlu III għandu ħamsa u sebgħin sena u ilu r-Re mit-tmienja ta’ Settembru tal-2022, dakinhar li mietet ommu r-Reġina Eliżabetta II.