Ir-Re l-ġdid tar-Renju Unit beda l-ġurnata tal-lum billi żar il-Parlament tar-Renju Unit biex jilqa’ l-kondoljanzi mingħand il-Parlamentari tar-Renju Unit għal mewt t’ommu, r-Reġina Eliżabetta II.
Fl-indirizz tiegħu waqt iċ-ċerimionja, ir-Re Karlu ddeskriva l-Parlament bħala istituzzjoni ħajja tad-demokrazija Brittanika. Huwa wiegħed ukoll li jkompli jibni fuq il-passi t’ommu li jżomm l-Indipendenza taż-żewġ kmamar.
Huwa ssuġerixxa li bħala Re jaf jimmodera l-istil tiegħu fil-pubbliku wara li fil-passat qal kif jaħsibha dwar diversi temi bħall-agrikultura.
Fis-Sala ewlenija ta’ Westminister, il-Palazz li jservi bħala l-Parlament, ir-Re flimkien ma’ martu Camilla kien milqugħ b’daqq bħala parti miċ-ċerimonja.
L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti ddeskriva lir-Reġina bħala mexxejja iżda fl-istess ħin qaddejja tal-poplu tagħha.
Ir-Re Karlu irrimarka wkoll kif minkejja l-età tenera tagħha meta ħadet ir-riedni tar-Renju Unit f’idejha hija ddedikat ħajjitha biex iservi lill-kuruna, u li tonora l-prinċipji tal-Gvern kostituzzjonali.
Aktar tard, ir-Re l-ġdid, qabad titjira lejn Edinburgh, l-Iskozja biex jingħaqad ma’ ħutu għaċ-ċerimonja bit-tebut tar-Reġina, fil-Katidral sotriku ta’ St Giles.
Intant, fi żvilupp ieħor l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Brittanika, bħalissa okkupat minn Lizz Truss li tinsab fl-ewwel ġimgħa tagħha, ħabbru minuta ta’ silenzju madwar il-pajjiż kollu nhar il-Ħadd 18 ta’ Settembru fit-tmienja ta’ filgħaxija ħin lokali.
Hawn ġie suġġerit li anki l-komunitajiet jieqfu għal mument ta’ riflessjoni anki lil persuni li joqgħodu lil hinn mir-Renju Unit.
Eluf ta’ persuni ntlemħu juru r-rispett tagħhom madwar ir-Renju Unit kollu billi ħarġu bi ħġarhom għal ġurnata oħra kkaraterizzata miċ-ċerimonji marbuta mal-mewt tar-Reġina Eliżabetta II.