Ir-Re Karlu III tal-Ingilterra qatta’ ftit ħin l-isptar għall-osservazzjoni l-Ħamis wara li esperjenza effetti negattivi temporanji relatati mat-trattament tal-kanċer.
Konsegwentament l-appuntamenti kollha li kellu skedati għall-Ħamis u l-Ġimgħa kienu kanċellati.
Fi stqarrija tal-Palazz ta’ Buckingham, intqal li r-Re kien irritorna lura fi Clarence House, iżda bħala prekawzzjoni u fuq parir tat-tobba kienu qed jipposponu l-appuntamenti tiegħu anke tal-Ġimgħa. Intqal ukoll li r-Re kien qed jibgħat l-apoloġija tiegħu għal xi inkonvenjent jew diżappunt li seta’ nħoloq kawża ta’ dan.
Is-saħħa tar-Re ilha suġġetta għall-monitoraġġ minn kmieni s-sena l-oħra, meta kien ħabbar li kien marid bil-kanċer għalkemm qatt ma ntqal x’tip ta’ kanċer għandu. Dak iż-żmien huwa kien waqaf jidher fil-pubbliku għal madwar tliet xhur għalkemm kompla bil-ħidma statali tiegħu bħal laqgħat mal-Prim Ministru u jiċċekkja dokumenti governattivi.