F’Ġunju li għadda, Malta kellha l-inqas rata ta’ qgħad minn fost il-pajjiżi kollha mseħbin fiż-Żona Ewro bi 3.1%, dan ġie kkonfermat minn ċifri tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat.
Minbarra li prattikament dan hu wieħed mill-inqas livelli storiċi għal pajjiżna, din ir-rata lokali hi inqas minn nofs dik tal-medja taż-Żona Ewro, li hi ta’ 6.5%.
Flimkien ma’ Malta, bl-inqas rata ta’ qgħad fiż-Żona Ewro hemm is-Slovenja, filwaqt li jsegwu l-Ġermanja bi 3.4% u l-Olanda bi 3.6%.
Bl-akbar rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi fiż-Żona Ewro hemm Spanja bi 11.5% jew kważi tliet darbiet dik ta’ Malta, waqt li l-Greċja u l-Finlandja kellhom it-tieni u t-tielet l-ogħla rati rispettivament.
Iċ-ċifri tal-Eurostat huma l-aħħar minn sensiela ta’ riżultati pożittivi għal pajjiżna, bir-rata tal-qgħad l-inqas livelli storiċi, anke jekk dan seħħ fl-agħar żminijiet ta’ sfidi internazzjonali, bil-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerer fl-Ukrajna u l-Lvant Nofsani.