Ir-rata ta’ qgħad f’pajjiżna baqgħet taħt l-elf persuna anki f’Mejju li għadda.
Dan ħareġ minn ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li wera li fix-xahar ta’ Mejju 2022 kien hemm 961 ruħ jirreġistraw għax-xogħol.
Meta wieħed iqabbel din ir-rata ta’ Mejju ta’ din is-sena mal-istess xahar tas-sena li għaddiet, ir-rata tal-qgħad niżlet b’elf u erbgħin ruħ. Fil-fatt, f’Mejju tal-elfejn wieħed u għoxrin, kien hemm ftit iżjed minn elfejn persuna jirreġistraw.
Anki f’April li għadda, in-numru ta’ nies li kienu qed jirreġistraw kienu taħt l-elf persuna.
Skont iċ-ċifri tal-NSO, fi żmien sena l-qgħad niżel f’kull kategorija ta’ età, iżda l-aktar li naqas kien fil-kategorija ta’ dawk li għandhom ħamsa u erbgħin sena jew aktar. Fi żmien sena, f’din il-kategorija ta’ età, il-qgħad niżel bi kważi erba’ mija u sebgħin persuna.