F’Lulju, ir-rata tal-qgħad baqgħet taħt id-disa’ mitt persuna, fl-inqas livelli li qatt kellu pajjiżna. Jikkonfermaw dawn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, fejn ħareġ li x-xahar li għadda kien hemm 893 persuna jirreġistraw mal-JobsPlus.
Dan ifisser nuqqas ta’ 32 persuna, meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena l-oħra, hekk kif ir-rata tal-qgħad f’Lulju tal-2022 kienet ta’ 925 persuna.
Dawn iċ-ċifri pożittivi, li qed jirreġistra pajjiżna, waslu fiż-żmien ta’ kriżi internazzjonali mingħajr preċedent kawża tal-Gwerra fl-Ukrajna, li ġabet magħha, fost oħrajn, splużjoni fil-prezzijiet tal-enerġija u inflazzjoni mifruxa.
Skont dawn iċ-ċifri tal-NSO ħareġ ukoll li meta mqabbel ma’ Lulju ta’ disa’ snin ilu, ir-rata ta’ qgħad niżlet b’xejn inqas minn sitt elef persuna.
Dan kien il-perjodu li Malta kienet ħierġa minn staġnar ekonomiku kbir kawża tal-politika tal-Gvern Nazzjonalista, li kien għadu kemm jitneħħa mill-poter sena qabel.
Sadanittant, ir-rata tal-qgħad f’Lulju, fost il-persuni b’diżabilità, baqgħet baxxa wkoll, hekk kif kienu jgħoddu għal 226 persuna, grazzi wkoll għall-inċentivi u miżuri benefiċċjarji relatati li ġew introdotti fl-aħħar snin.