Skont l-aġenzija tal-istatistika Ewropea, il-Eurostat, ir-rata tal- inflazzjoni f’pajjiżna naqset għal 2% f’Diċembru li għadda. Din ir-rata hi l-anqas rata osservata minn Ottubru tal-2021 jew kważi 40 xahar. Imqabbla ma’ sena qabel, pajjiżna qed jirreġistra inflazzjoni li hi kważi n-nofs ta’ dik li kienet.
Kontra l-perċezzjoni li jipprova joħloq il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech, il-medja tal-inflazzjoni mindu nbidel il-Gvern fl-2013 kienet ukoll ta’ 2% jew l-ekwivalenti tar-rata osservata x-xahar li għadda.
Bil-maqlub, matul l-aħħar tmexxija Nazzjonalista, il-medja tal-għoli tal-ħajja kienet ta’ 2.8% jew kważi darba u nofs il-medja fl-aħħar 11-il sena.
Ta’ min ifakkar li l-mira tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-inflazzjoni hi proprju dik ta’ 2%. Dan ifisser li Malta hi wieħed mill-ewwel u l-ftit pajjiżi fejn din il-mira qed tintlaħaq.
Pereżempju, fil-Belġju l-inflazzjoni hi 4.4% jew ferm iżjed mid-doppju tar-rata ta’ pajjiżna. Il-medja tal-inflazzjoni fiż-Żona Ewro hi ta’ 2.4%.
Waqt li f’pajjiżna fl-2024 l-inflazzjoni naqset minn 3.7% għal 2%, fiż-Żona Ewro t-tnaqqis kien minn 2.9% għal 2.4% biss, terz ta’ dak osservat f’pajjiżna.
L-inflazzjoni żdiedet is-sena li għaddiet fil-Belġju, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Olanda, il-Portugal u l-Finlandja. L-għoli tal-ħajja baqa’ għoli wkoll f’pajjiżi bħall-Ġermanja, l-Estonja, il-Ġreċja, Spanja, il-Kroazja u s-Slovakkja b’rati qrib it-3% jew aktar.
Pajjiżna kien l-uniku wieħed fl-Ewropa fejn il-prezzijiet tal-fjuwil baqgħu stabbli, filwaqt li l-kontijiet tad-dawl baqgħu ssussidjati b’mod qawwi, minkejja l-pressjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea.
Il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela wkoll ħa wkoll passi biex inaqqas l-inflazzjoni fil-prodotti tal-ikel, permezz ta’ sussidji fuq il-qmuħ, il-ġwież u ċ-ċereali, waqt li implimenta l-miżura bla preċedent, imsejħa ‘Stabbiltà’.
Il-miżura, li tant kienet ikkritikata mill-Oppożizzjoni, wasslet biex ikun hemm tnaqqis fil-prezzijiet ta’ diversi prodotti essenzjali tal-ħajja.