F’April li għadda, ir-rata tal-inflazzjoni kif imkejla mill-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut naqset meta mqabbel ma’ xahar qabel, jiġifieri f’Marzu.
Dan ħareġ minn ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Hawnhekk, ħareġ kif ir-rata tal-inflazzjoni f’April kienet ta’ 5.8%, waqt li f’Marzu, ir-rata ta’ inflazzjoni kienet ta’ 7%.
Dan ifisser tnaqqis ta’ 1.2%, meta mqabbel ma’ xahar qabel.
L-NSO nnota li l-indiċi tal-prezzijiet li jinkorpora fih il-prezz tad-dawl, l-ilma, il-fjuwil u l-gass ma rreġistra l-ebda żieda fil-prezzijiet tagħhom. Il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils f’pajjiżna baqgħu stabbli b’riżultat tal-miżura li ħa l-Gvern biex il-pressjonijiet internazzjonali fuq il-prezzijiet – kawża tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna – ma jġorruhomx il-familji u n-negozji.
Għal dan il-għan, il-gvern Malti investa madwar biljun ewro tul is-sena li għaddiet u din is-sena.