Ir-rata tal-inflazzjoni f’pajjiżna matul Mejju reġgħet naqset għar-raba’ xahar konsekuttiv, grazzi għall-inizjattiva ‘Stabbiltà’. Dan ħareġ mill-aħħar ċifri tal-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea.
Hawn jirriżulta kif, fix-xahar ta’ Mejju, ir-rata lokali tal-inflazzjoni kienet 2.3%, li hi inqas mir-rata medja tal-inflazzjoni fiż-Żona Ewro, dik ta’ 2.6%.
Minn dawn iċ-ċifri, ħareġ ukoll kif ir-rata tal-inflazzjoni f’pajjiżna naqset b’mod konsiderevoli minn Jannar li għadda, ix-xahar qabel daħlet fis-seħħ l-inizjattiva ‘Stabbiltà’.
Dan hekk kif, f’Jannar li għadda, ir-rata tal-inflazzjoni kienet ta’ 3.7%, waqt li issa niżlet bi kważi punt perċentwali u nofs.
L-inizjattiva ‘Stabbiltà’ daħlet fis-seħħ fil-bidu ta’ Frar li għadda, hekk kif sar it-tielet patt soċjali bejn il-Gvern, l-importaturi u l-bejjiegħa tal-merċa. Dan wassal biex il-prezz ta’ aktar minn 450 prodott minn ħmistax-il kategorija ta’ ikel essenzjali naqsu bi 15% u se jibqgħu stabbli sa mill-inqas Ottubru li ġej.
L-effettività ta’ din l-inizjattiva tidher ukoll meta tqabbel ir-rata ta’ Mejju din is-sena mal-istess xahar is-sena l-oħra.
Dan hekk kif sena ilu, ir-rata tal-inflazzjoni kienet ta’ 6.3%, waqt li issa niżlet għal 2.3%, tnaqqis ta’ erbgħa fil-mija.
Din it-tnaqqis qawwi fl-inflazzjoni seħħ ukoll hekk kif il-Gvern, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, żamm, fost l-oħrajn, il-prezzijiet tal-enerġija u l-fuels stabbli u m’għolewx kemm għall-familji kif ukoll għan-negozji. Dan bil-maqlub ta’ għadd ta’ pajjiżi oħrajn fl-Unjoni Ewropea, fejn, fl-aħħar sentejn, il-piżijiet fuq il-popli tagħhom splodew b’riżultat tal-Gwerra fl-Ukrajna.