Ir-rata ta’ tilqim f’Malta llum ras għal ras, hija l-ogħla fid-dinja.
Qal dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne f’kollegament telefoniku fuq ONE Radio is-Sibt filgħodu.
Qal kif, “Jekk tara r-rata ta’ tilqim ras imb’ras, f’Malta hija l-ogħla fid-dinja llum. Iżjed minn tal-Iżrael, jiġifieri ara kemm ilna ngħidu li l-Iżrael l-aħjar pajjiż, Malta llum qed tlaqqam b’rata ogħla mill-Iżrael, ogħla mill-Amerka, qegħdin daqs l-Ingliżi. Ġurnata nkunu iżjed minnhom aħna, l-għada jkunu aħjar minna huma, imma aħna qegħdin nagħtu l-iżjed ammont ta’ tilqim ras imb’ras fid-dinja.”
Chris Fearne spjega wkoll kif sas-Sibt filgħaxija, tletin fil-mija tal-adulti f’pajjiżna se jkunu ħadu minn tal-inqas l-ewwel doża tal-vaċċin.
Spjega, “Tletin fil-mija tal-adulti Maltin ġewwa Malta u Għawdex, sal-lejla ħa jkunu ħadu mill-inqas l-ewwel doża, xi tnax, tlettax fil-mija, ikunu ħadu t-tieni doża wkoll.”
Il-Ministru tas-Saħħa spjega kif ir-rata mgħaġġla tat-tilqim f’pajjiżna hija waħda miż-żewġ raġunijiet ewlenin li qed twassal għal titjib mhux biss fin-numru ta’ infezzjonijiet ġodda f’Malta, imma wkoll tan-nies li qed jidħlu l-isptar bil-Coronavirus.
It-tieni raġuni hija l-miżuri f’waqthom li ttieħdu mill-Gvern Malti.
Qal, “Issa li n-numri qegħdin madwar mija, issa ż-żmien li noqogħdu l-iżjed attenti u l-iżjed li nkunu dixxiplinati. Irridu nissikkaw naqra iżjed, mhux nirrilixxaw.”
Id-Deputat Prim Ministru rrefera għall-faċċata tal-Financial Times tal-lum, li tgħid li l-pajjiżi Ewropej qegħdin iwissu li s-sistema tas-saħħa fl-Ewropa qiegħda f’xifer li tikkollassa.
Dan hekk kif bħalissa l-Ewropa għaddejja mill-agħar żmien tal-pandemija, partikolarment minħabba l-varjant Ingliż.
Il-Ministru tas-Saħħa spjega li f’Malta, erbgħa minn kull ħames każijiet huma mill-varjant Ingliż, u għalhekk appella għall-kawtela, imma nnota li għall-kuntrarju ta’ dak li qed jiġri fl-Ewropa, f’Malta n-numru stabilizzaw u bdew neżlin.
Sostna, “Għada filgħodu se ngħidu naqra wkoll kif naħsbu li għandu jiġri biex għall-ġranet tal-Għid noqogħdu naqra iżjed attenti, anki issa temp sabiħ, nevitaw nies li joħorġu barra fi gruppi, irridu hemmhekk nissikkaw ħarira żejda, imma din issa hija l-isprint tal-aħħar. Il-vaċċin qiegħed jagħti protezzjoni, qed inlaqqmu b’rata mgħaġġla ħafna, dalwaqt nilħqu l-herd immunity, sakemm nilħquha, l-aħħar sforz.”
Il-Ministru tas-Saħħa fakkar kif bħalissa għadhom qed jintbagħtu l-inviti lil dawk li għandhom aktar minn sittin sena, għaliex dan huwa grupp kbir ħafna u allura kellhom jinqasmu f’perjodu itwal mill-gruppi l-oħra.