Ir-rata tar-reati kriminali rrappurtati f’pajjiżna kompliet tonqos fl-2022 tant li niżlet b’5.4% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel: tnaqqis ta’ 852 reat u l-inqas rata ta’ reati kriminali f’iżjed minn 15-il sena.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġie spjegat ir-rapport annwali dwar il-kriminalità f’Malta għall-2022, li sar mill-kriminologu l-Professur Saviour Formosa.
Fl-ispjega tiegħu, il-Professur Formosa qal li din iċ-ċifra tagħmel lil pajjiżna wieħed sigur anke fid-dawl tal-popolazzjoni kbira li jħaddan.
Huwa qabbel dan ir-riżultat ma’ dawk ta’ snin oħrajn. Fil-fatt, fl-2004 saru 18,388 reat b’popolazzjoni ta’ 408,798 persuna, fl-2012 saru 15,622 reat b’popolazzjoni ta’ 422,509 ruħ.
Dan ifisser li r-reati kriminali mill-2004 sal 2022 għal kull elf persuna komplew jonqsu. Fil-fatt, għal kull elf persuna fl-2004 kienu jsiru 45 reat, fl-2012 kienu jsiru 37 reat ,u fl-2022 saru 28 reat.
Il-Professur Formosa nnota li, filwaqt li l-popolazzjoni f’pajjiżna żdiedet tul dawn is-snin, minflok ir-reati żdiedu dawn fil-fatt naqsu. Tenna wkoll li wieħed irid iżomm f’moħħu li, għall-kuntrarju tar-rapport għas-sena 2022, fir-rapporti ta’ qabel ma kinux jitniżżlu reati bħal dawk ta’ ħasil ta’ flus, b’rabta mal-immigrazzjoni, u anke b’rabta ma’ droga.
Intant, ir-rapport xeħet dawl ukoll fuq statistika li tikkonċerna r-reati prinċipali.
Ir-reat tal-omiċidju baqa’ wieħed stabbli ta’ 1.7 fil-mija għal kull 100,000 persuna bejn l-2004 u l-2022. Ir-reati kollha li seħħew bejn l-2018 u l-2022 ġew solvuti.
Ir-rata ta’ reati ta’ vjolenza wkoll irreġistraw tnaqqis fl-aħħar għaxar snin. Filwaqt li fl-2022 kien hemm 361 reat ta’ vjolenza, fl-2012 – għaxar sin qabel – kien hemm 391 reat.
Ir-reati ta’ serq fl-aħħar għaxar snin naqsu kważi bin-nofs. Fil-fatt, filwaqt li fl-2012 kien hemm 8,690 reat ta’ serq, fl-2022 kien hemm 4,612: tnaqqis ta’ 47 fil-mija jew inkella tnaqqis ta’ 4,078 reat.
Jekk tqabbel ir-reati tas-serq bejn is-sena 2022 u dik tal-2004, kien hemm tnaqqis ta’ kważi 60 fil-mija jew inkella ta’ 6,853 każ.
Intant, ir-reati ta’ serq mid-djar,minn 696 reat fl-2012, fl-2022 niżlu għal 309 reati: tnaqqis ta’ 387 reat.
Ir-reat ta’ ħruq intenzjonat naqas bi kważi terz jew b’58 każ fl-aħħar għaxar snin. Jekk tqabbel ir-reati ta’ ħruq intenzjonat bejn is-sena 2022 u dawk tal-2004, kien hemm tnaqqis ta’ 73 fil-mija jew inkella ta’ 87 każ.
Ir-reati ta’ vjolenza bi ħsara fiżika rreġistraw tnaqqis hekk kif filwaqt li fl-2012 kien hemm 1,032 reat, fl-2022 kien hemm 847 reat. It-tnaqqis fl-2022 huwa akbar meta wieħed jikkumpara man-numru ta’ reati ta’ vjolenza bi ħsara fiżika fl-2004, li laħħqu l-1,065 reat.