Ir-rata ta’ dawk li huma sidien ta’ djarhom f’pajjiżna żdiedet b’mod sinifikanti fl-aħħar snin, grazzi għal diversi inċentivi mill-Gvernijiet Laburisti f’diversi baġits.
Fil-fatt studju, li analizza l-aħħar ċifri disponibbli, dawk għall-2022, wera li l-persentaġġ tar-residenti f’Malta u Għawdex, li xtraw ir-residenza tagħhom, ilaħħaq it-82.6 fil-mija, b’żieda ta’ kważi tlieta fil-mija tal-popolazzjoni fuq l-2005.
Dan hu kompletament bil-maqlub għat-tendenza u s-sitwazzjoni fl-Unjoni Ewropea fejn il-medja hi ta’ 64.1 fil-mija u fl-istess perjodu bejn l-2005 u l-2022 naqset bi kważi tnejn fil-mija.
Il-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli ppubblikat studju minn Dr Dylan Cassar, bit-tema ‘Entryways to Homeownership’, li wkoll żvela, fost oħrajn, kif 10% tal-proprjetajiet, li nkisbu mill-2010 sal-2020, waslu permezz ta’ wirt.
Ħareġ ukoll li 59% ta’ dawk ta’ bejn it-18 u l-34 sena għadhom jgħixu mal-ġenituri tagħhom, li jfisser li pajjiżna għandu waħda mill-ogħla rati f’dan ir-rigward fl-Ewropa.
Dan il-fattur jgħin biex żgħażagħ ifaddlu l-flus għad-depożitu u l-ispejjeż biex jixtru l-akkomodazzjoni personali, filwaqt li jipprovdi wkoll serħan il-moħħ għal dawk li jesperjenzaw problemi fiż-żwieġ. Dan ukoll ikkontribwixxa biex Malta jkollha rata aqwa ta’ persuni sidien ta’ darhom, meta mqabbel mal-bqija tal-Ewropa.
L-appoġġ finanzjarju mill-familji jgħin ukoll biex jittaffew l-isfidi taż-żieda fil-prezzijiet tal-proprjetà u jżid il-potenzjal ta’ affordabbiltà għas-sidien tad-djar prospettivi.
Jirriżulta li, llum, il-familji Maltin jinsabu f’pożizzjoni aħjar biex jgħinu finanzjarjament lil uliedhom jixtru d-dar tagħhom, b’madwar 26% tal-Maltin jirċievu xi rigali jew wirt, b’valur medju ta’ €29,000.
L-akkwist ta’ proprjetà b’għotja jew wirt żdied minn 10% bejn l-2000 u l-2010 għal 21% bejn 2011 u l-2022. Persuna minn kull sitta ta’ bejn is-16 u l-34 sena saru sidien ta’ darhom permezz ta’ wirt jew rigal.
Fl-istudju tal-Fondazzjoni għal Akkomodazzjoni Affordabbli joħroġ li din għandha rwol biex tipprovdi soluzzjonijiet ġodda ħalli f’pajjiżna jkun hawn aktar djar għall-bejgħ bi prezzijiet li jkunu iżjed affordabbli.
Ġie sjegat li l-introduzzjoni tal-iskema tagħha, LoanUp, qed toffri rati ssussidjati ta’ self għal aktar affordibilità.