Statistika tal-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO, li tuża l-kejl uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, innutat kif is-sena l-oħra mqabbla ma’ ta’ qabilha, ir-rata ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali naqset bi kważi perċentwal, minn 20.8% għal 19.9%.
L-akbar titjib kien osservat fost dawk ta’ età ta’ akbar minn 65 sena, fejn ir-rata waqt pandemija naqset bi 2.2%.
Anke fost it-tfal kien hemm tnaqqis sinifikanti fir-riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, bir-rata tonqos b’1.3% fl-2020.
Dan it-titjib seħħ anki jekk din is-sena, il-parametri tal-kejl użat mill-Unjoni Ewropea twessgħu aktar biex jiddaħħlu elementi soċjali li qabel ma kinux ikunu kkunsidrati.
Fil-fatt li kieku wieħed jara l-kejl li kien jintuża sena ilu, it-tnaqqis fir-rata ta’ dawk f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali kien ikun ta’ iktar minn perċentwal, minn 20.1% fl-2019 għal 19% fl-2020.
Fl-2013 ir-rata ta’ dawk f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali kienet ta’ 24.6%, li jfisser li f’seba’ snin, ir-rata naqset bi kważi kwart milli kienet qabel il-bidla fil-Gvern.
B’kuntrast fis-seba’ snin ta’ qabel l-2013 kien hemm żieda minn 19.5% għal 24.6%, fi kliem ieħor kienet żdiedet b’aktar minn kwart taħt il-Gvern preċedenti.
It-titjib fir-rata ta’ riskju ta’ faqar seħħ f’kuntest fejn il-qligħ disponibbli tal-familji kompla jogħla b’mod qawwi.
Fil-fatt id-dħul disponibbli medju ta’ familja żdied minn €28,505 għal €31,266, jew bi kważi €2,800.
Dan ifisser żieda ta’ 10% fuq is-sena ta’ qabel.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon, il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, Michael Falzon qal li dan it-tnaqqis fir-rata tal-faqar juri b’mod ċar li l-politika soċjali tal-Gvern qed taħdem.
Huwa nnota n-nefqa soċjali tal-Gvern ta’ biljun ewro waqt pandemija, iż-żieda fil-pensjonijiet u miżuri soċjali li tħabbru fil-Budget għas-sena d-dieħla.
“Tnejn minn kull tliet persuni li kienu f’dik li hija deprivazzjoni materjali severa, illum ħarġu. Jekk inħarsu lejn dawk li huma riskju ta’ faqar qed naraw li minn kull ħamsa li kien hemm, illum tlieta jinsabu barra. Tnaqqis konsiderevoli, ovvjament fadal ħafna x’nagħmlu imma jidher li r-riżultati huma tajbin ħafna, anki meta wieħed iqis iċ-ċirkostanzi fid-dinja kollha.”