F’xahar, ir-rata ta’ inflazzjoni ta’ pajjiżna niżlet b’aktar minn nofs perċentwal.
Dan ħareġ minn ċifri tal-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, fejn ħareġ li r-rata ta’ inflazzjoni fix-xahar ta’ Lulju kienet ta’ 5.6%. Dan filwaqt li xahar qabel ir-rata ta’ inflazzjoni kienet ta’ 6.2%. B’dan ifisser li, f’xahar wieħed, din ir-rata tal-għoli tal-ħajja niżlet b’0.6%.
Iċ-ċifri tal-NSO juru li f’Lulju, għal xahar ieħor, kien hemm xejra ta’ nuqqas fir-rata ta’ inflazzjoni, li ilha għaddejja mix-xahar ta’ Frar.
F’dan il-perjodu ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent, mill-bidu tal-gwerra, fi Frar tas-sena l-oħra, il-Gvern alloka biljun ewro biex ikunu investiti f’sussidju biex il-kontijiet tad-dawl u l-prezzijiet tal-fjuwil jibqgħu stabbli u ma jogħlewx għall-familji u n-negozji.
Hawnhekk ħareġ li l-iżjed tnaqqis fi tnax-il xahar seħħ bejn Ġunju u Lulju li għadda, li jfisser li din naqset bin-nofs.
Iċ-ċifri tal-Eurostat juru wkoll li r-rata ta’ inflazzjoni ta’ Malta, f’Lulju, kienet inqas mir-rata tal-inflazzjoni tal-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fejn kienet 6.1% jew nofs perċentwal iżjed minn ta’ pajjiżna.