Fl-aħħar ħames snin, kien hemm progress mingħajr preċedent f’Għawdex.
Dan ħareġ minn rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, li fih iqabbel is-sitwazzjoni demografika, soċjali u ekonomika tar-reġjuni ta’ pajjiżna u dan ġie rrappurtat fil-gazzetta KullĦadd.
Kontra dak li ssostni l-Oppożizzjoni, jiġifieri li f’Għawdex ma kienx hemm progress ekonomiku u soċjali, dan ir-rapport jgħid totalment bil-maqlub u jindika li r-rata ta’ faqar naqset minn aktar minn 18% għal ftit aktar minn 12%.
Dan ifisser li r-rata ta’ faqar f’Għawdex naqset b’madwar terz fuq medda ta’ ħames snin. Waqt li fl-2016, ir-rata ta’ faqar Għawdxi kienet akbar mill-medja nazzjonali, illum għandu rata ferm inqas mill-medja.
Kemm ilu Prim Ministru Robert Abela, ir-rata ta’ faqar f’Għawdex, it-tnaqqis kien minn 14% għal 12.4%. Bit-titjib f’Għawdex kien kważi tmien darbiet akbar minn dak f’Malta. Din hi konferma kemm l-amministrazzjoni preżenti poġġiet fiċ-ċentru tagħha l-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta’ Għawdex.
Minn dan ir-rapport ħareġ ukoll li naqsu dawk dipendenti fuq il-benefiċċju soċjali. Dan hekk kif fl-2016 kien hemm kważi 800 Għawdxi fuq tali assistenza soċjali u dan issa naqas b’aktar minn nofs għal 350.