Ir-rata ta’ bejgħ mill-intrapriżi fuq l-internet kienet ta’ 7% iżjed mill-medja Ewropea matul is-sena l-oħra.
Dan skont studju tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
In-numru ta’ intrapriżi li użaw is-servizz tal-internet biex ibigħu l-prodotti tagħhom żdied b’4% fuq sena qabel.
Il-bejgħ minn fuq l-internet matul is-sena l-oħra laħħaq iż-żewġ biljun u mitt miljun ewro.
Dan il-bejgħ fuq l-internet sar anki fi sfond tal-pandemija.
Intant ftit aktar minn 97% tal-intrapriżi f’pajjiżna li jħaddmu għaxar persuni jew aktar, użaw l-internet fl-operat tagħhom matul is-sena l-oħra.
L-istudju tal-NSO wera li mal-65,610 ħaddiema użaw l-internet għan-negozju tagħhom.
Ftit aktar minn nofshom, jiġifieri 34,555 ħaddiem użaw l-internet fuq il-mobile provdut minn min iħaddimhom.
Is-sena l-oħra wkoll jirriżulta li 82.3% tal-intrapriżi kellhom is-sit elettroniku tagħhom.
Dan ifisser 4% iżjed mill-medja Ewropea.
Is-servizz magħruf bħala cloud-computing ukoll żied fil-popolarità tiegħu fost l-intrapriżi f’pajjiżna.
Fil-fatt 1,482 intrapriża użaw is-servizz ta’ cloud-computing, li jfisser 57.1% tal-intrapriżi f’pajjiżna.
L-użu tas-servizz ta’ cloud-computing f’Malta żdied bi kważi 5% fuq is-sena ta’ qabel.