It-tfal huma ħafna inqas suxxettibbli li jxerrdu l-Coronavirus. Fil-fatt ir-rata ta’ tixrid tal-virus qalb it-tfal kif ukoll mit-tfal għall-adulti jammonta għal inqas minn wieħed fil-mija.
Dan ikkonfermah il-pedjatra Dr Robert Cassar li ma’ ONE News tkellem dwar kif inqas minn għaxra fil-mija tal-persuni li ġew infettati kienu tfal.
Dr. Cassar spjega: “Iċ-ċans illi tfal taħt il-ħdax-il sena jew tfal żgħar jagħtu l-mikrobu lil xulxin fejn jidħol Covid dejjem huwa inqas minn wieħed fil-mija. Iċ-ċans li dawn it-tfal jagħtu l-Covid lil xi ħadd adult, qegħdin nitkellmu fuq l-iskola mhux it-tfal lill-ġenituri tagħhom jew lil ħuthom, it-tfal lil tfal oħra jew it-tfal lill-adulti li jkunu l-iskola huwa wkoll inqas minn wieħed fil-mija.”
Il-pedjatra li huwa wkoll ġenitur emfasizza fuq l-importanza li t-tfal imorru l-iskola.
Dr. Cassar tenna: “Jiena ġenitur ukoll u għalkemm jien tabib ukoll ninkwieta ftit li t-tfal deħlin lura l-iskola però fl-aħħar mill-aħħar li wieħed jibqa’ san ma jfissirx li just ma jaqbdux Covid. It-tfal posthom fil-klassi. Iridu jitgħallmu kemm jista’ jkun face to face. Posthom ukoll ma’ tfal oħrajn jiġifieri għalkemm nifhem li jkun hemm dan l-allarm il-fatt li nafu li t-tfal anki jekk jaqbadhom il-Covid ħafna drabi ma jkollhomx problemi serji u dan jgħaddilhom wara ftit ġranet, importanti ħafna li wieħed jagħżel dak il-bilanċ u jifhem illi t-tfal importanti ħafna jidħlu l-iskola.”
Dr. Cassar spjegalna wkoll li tfal vulnerabbli ftit li xejn kellhom kumplikazzjonijiet: “Studji again fuq tfal li mardu bil-Covid u kellhom mard kroniku bħal asthma u zokkor ukoll juru li dawn it-tfal fil-fatt ma tantx marru, ma tantx kellhom kumplikazzjonijiet iktar milli kieku kellhom xi tip ta’ riħ ieħor. Ovvjament dawn huma vulnerabbli u jridu joqogħdu attenti ħafna però dawn it-tfal sakemm ma jkunx qalilhom speċjalista tagħhom ukoll posthom huwa l-iskola.”
Minkejja dan, il-pedjatra wissa li tfal morda jew b’xi sintomi m’għandhomx jintbagħtu l-iskola.
Dr. Cassar sostna: “Naħseb l-iktar ħaġa importanti hi li jekk xi ħadd mit-tfal iqum marid jew inkella jidher li mhux qiegħed f’sikktu importanti ħafna li dawn jibqgħu d-dar għax ovvjament ma nkunux nafu x’għandhom jekk għandhom id-deni jew xi sogħla ċ-ċans ta’ Covid ħa jkun dejjem hemmhekk. Filfatt il-maġġoranza tat-tfal li jkollhom il-Covid xi sintomi jew ieħor ħa jkollhom.”