Aktar minn tlettax il-miljun Awstraljan, iġifieri kważi nofs il-popolazzjoni, jisabu f’lockdown hekk kif bosta stati qed jaraw żieda qawwija fil-varjant Indjan.
Il-midja internazzjonali kienet kostretta tirrapporta li t-tixrid b’saħħtu ta’ dan il-varjant wassal biex il-kontinent Awstraljan jaffaċċja sfidi ġodda, filwaqt li ntqal li dan kollu kixef ir-rata fqira ta’ vaċċinazzjoni li hemm bħalissa fil-pajjiż.
Ir-residenti ma jistgħux joħorġu mid-dar ħlief biex jixtru l-ikel, biex jagħmlu l-eżercizzju jew għal affarijiet essenzjali oħra.
Is-siti tal-kostruzzjoni wkoll kellhom jingħalqu.