Il-Partit Nazzjonalista ma jistax ikun kredibbli meta jitkellem dwar Sven Giegold u t-talba tiegħu biex jiskatta artiklu 7 kontra Malta. Għal ħames snin sħaħ l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista rewħu kemm felħu biex nies bħal Giegold u oħrajn jipprovaw jimminaw l-interess ta’ Malta speċjalment fis-settur finanzjarju. Qal dan fi stqarrija l-Partit Laburista.
Il-PL qal li dan għax kien mingħalihom li b’hekk se jwaqqgħu l-gvern.
Spjega kif illum, għax jirriżulta li l-Maltin għarfu sew x’kienet il-kampanja tar-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista, l-istess partit ħareġ jipprova jattakka l-gvern għad-dikjarazzjonijiet ta’ Giegold dalgħodu.
L-istqarrija tgħid li iżda, il-poplu Malti jaf li f’delegazzjonijiet li ġie fihom Giegold spalla ma’ spalla miegħu kien hemm Roberta Metsola u David Casa. Il-Gvern u l-Partit Laburista kienu fuq in-naħa l-oħra jiddefendu lil Malta. Issa tard wisq biex xi ħadd jemmen li ma riedux jagħmlu ħsara l-pajjiżna.
Temm billi qal li għalhekk huwa biss il-Partit Laburista li jista’ jkun kredibbli meta jgħid li se jiddefendi isem ma’ Malta. Fuq kollox kieku l-PN ried ikun kredibbli kien jivvota differenti fil-Parlament Ewropew. Il-paroli tal-istqarrija tal-lum ma jiswa xejn.