Malta tinsab lesta biex mill-ewwel jum ta’ Jannar ikollha l-Presidenza tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE. Organizzazzjoni li tħaddan fiha sebgħa u ħamsin pajjiż mill-Ewropa, l-Amerka ta’ Fuq u l-Asja.
Is-sena d-dieħla, iċ-Chairperson-in-Office ta’ din l-organizzazzjoni se jkun il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti, Ian Borg.
Jiem qabel pajjiżna jieħu f’idejh, ONE News tkellem mar-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-OSCE, Natasha Meli Daudey, li tenniet li kollox jinsab lest biex Malta jkollha din il-pożizzjoni prestiġġjuża.
Stqarret, “Ħafna xogħol qed isir biex inkunu lesti, għalkemm ma kellniex dan it-tip ta’ preparamenti kollu bħal ma kellhom pajjiżi oħrajn. Imma kważi lesti, jiġifieri fl-ewwel ta’ Jannar ħa nkunu lesti biex nitilqu bil-prijoritajiet tagħna, nibdew naħdmu mal-pajjiżi l-oħrajn, nisimgħu dak li jridu jgħidulna. Għandna l-uffiċini lesti kważi u għandna t-tim li ġie ffurmat. Jiġifieri fi ftit ġimgħat wieħed jista’ jgħid li għamilna l-mirakli.”
Hija sostniet li Malta ngħatat din il-pożizzjoni prestiġġjuża fuq il-bażi tar-reputazzjoni b’saħħitha u anki minħabba l-messaġġ konsistenti li twassal, dak favur il-paċi u d-djalogu.
Qalet, “Biex ngħid hekk fittxuna pajjiżi oħrajn u talbuna biex nidħlu, biex insalvaw din l-organizzazzjoni. L-Estonja riedet dan l-irwol, ir-Russja u l-Belarus ma riduhiex u wara ammont ta’ ġimgħat qisu kulħadd beda jara lil Malta bħala l-uniku pajjiż li jista’ jimla dan l-irwol.”
Ir-Rappreżentant Permanenti semmiet li Malta għandha siġġu fil-Kunsill tas-Sigurtà fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, waqt li fl-aħħar xhur, f’Malta saru diskussjonijiet dwar il-paċi fl-Ukrajna u l-laqgħat li saru f’pajjiżna bejn l-ogħla uffiċjali Amerikani u Ċiniżi.
Qalet, “Naħseb wieħed qed jara lil Malta bħala pajjiż li avolja huwa żgħir, jista’ jiġi afdat u meta aħna ningħataw responsabilità, inġorruha sew.”
Meli Daudey qalet ukoll ma’ ONE News dwar ir-responsabilitajiet ta’ pajjiżna f’dan il-perjodu, li huwa ddominat minn sfidi internazzjonali bla preċedent.
Stqarret, “Ovvjament, hija responsabilità li rridu nġorruha b’serjetà kbira, b’umiltà u b’responsabilità, għax għandek 57 pajjiż, għandek gwerra li għaddejja bħalissa bejn żewġ pajjiżi li huma membri tal-Organizzazzjoni. Wieħed ma jrid jinsa li dak huwa wieħed mill-commitments li tajna bħala pajjiż, li ma nattakkawx lil xulxin u hemmhekk għandek gwerra. Għandek ukoll kunflitti għaddejjin. Jiġifieri mhuwiex irwol ħafif. Però nisperaw li jirnexxielna, jiena fiduċjuża li jirnexxielna, jekk naħdmu tajjeb, kif nafu naħdmu aħna u mbagħad naraw x’hemm lest għalina fil-futur.”