Ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Ġnus Magħquda Vanessa Frazier, ġiet eletta bħala Chairperson tat-Tieni Kumitat tal-Ġnus Magħquda, li huwa il-Kumitat tal-Ekonomija u l-Finanzi.
Dan għas-76 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda.
L-Ambaxxatriċi Frazier ġiet eletta bl-appoġġ unanimu mill-membri tal-Ġnus Magħquda.
Hija se tibda tassumi dan l-irwol minn Ottubru li ġej.
Għall-ewwel darba fl-istorja tal-Ġnus Magħquda, Frazier se tkun qed tmexxi bureau li se jkun kollu magħmul min-nisa.
Fil-fatt se jkun hemm tliet Viċi Chairpersons nisa li huma mill-Polonja, l-Eritrea u mir-Repubblika Dominikana, flimkien mar-Rapporteur min-Nepal.
Dan il-Kumitat tal-Ġnus Magħquda jieħu ħsieb kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-iżvilupp u t-tkabbir ekonomika.
Frazier se tkun qed tmexxi d-diskussjonijiet bejn il-193 Membru tal-Ġnus Magħquda sabiex eventwalment il-Ġnus Magħquda tadotta r-riżulozzjonijiet ta’ dan il-kumitat.
Il-ħidma ta’ dan il-kumitat hija kruċjali għall-aġenda tal-2030 li l-Ġnus Magħquda se tmexxi fil-kwistjoni tal-Iżvilupp Sostenibbli. Dan billi jkun indirizzati l-faqar u t-tibdil fil-klima fost oħrajn.